L-Air Malta Tibda l-Iskeda tat-Titjiriet tax-Xitwa b'Offerti Vantaġjuzi fuq Ġiti Qosra jew fit-Tul

Novembru 6, 2015

Data: Il-Ġimgħa, 6 ta’ Novembru 2015
Ref: 063 - 2015 

L-Air Malta bdiet tħaddem l-iskeda tax-xitwa tagħha. B’aktar minn 210 titjira diretta fil-ġimgħa, flimkien man-network tat-titjiriet code-shared mal-imsieħba tagħha, l-Air Malta qiegħda toffri diversi opportunitajiet għat-turisti biex jżuru l-Gżejjer Maltin matul ix-xitwa.

“Bħalissa qegħdin inġorru 30,000 turist kull ġimgħa”, ikkumentat Ursula Silling, il-Kap tal-Kummerċ tal-Air Malta. “Din ix-xitwa qegħdin nippjanaw li nġorru aktar minn nofs miljun passiġġier. Is-seher tal-gżejjer Maltin qed jirbħu l-qlub ta’ aktar u aktar viżitaturi. Ix-xemx tal-Mediterran anka fix-Xitwa, il-kwalita’ tal-baħar Mediterran u tbissima ħelwa tal-Maltin serqu l-qlub ta’ ħafna turisti għal snin sħaħ. Dawn il-gżejjer żghar joffru ħafna attrazzjonijiet u attivitajiet lil dawk li jfittxu ġita qasira sabiex jaħarbu mix-Xitwa. Il-gżejjer joffru ħafna aktar mix-xemx u l-baħar.”

“Bil-firxa ġdida ta’ prodotti li għandna, it-titjib fis-servizzi lejn l-akbar ajruporti Ewropej, l-opportunitajiet ta’ vjaġġi ta’ ġurnata lejn Londra u Katanja, l-iskeda ta’ titjiriet b’ħinijiet konvenjenti u t-titjib fil-kooperazzjoni mal-imsieħba tagħna f’code-sharing  biex nipprovdu l-aħjar konnessjonijiet, aħna żguri li ser ikollna suċċess”, żiedet is-Sinjura Silling. 

Din ix-xitwa l-Air Malta ser tibda topera titjiriet diretti bla waqfien kemm lejn Amsterdam kif ukoll lejn Brussell. Wara żieda fid-domanda minħabba s-suċċess tal-introduzzjoni tal-ftehim ta’ code-sharing ma’ KLM, il-linja tal-ajru issa tinsab f’pożizzjoni li toffri servizzi diretti minflok rotazzjonijiet ikkombinati bejn Malta, Amsterdam u Brussell. Il-kondiviżjoni tal-kodiċi ma’ KLM qed toffri wkoll aktar opportunità ta’ konnessjonijiet mal-Amerika ta’ Fuq. L-Air Malta ser iżżomm l-istess ftehimiet ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi biex toffri aktar konnessjonijiet ma’ destinazzjonijiet lil hinn min-netwerk tal-Air Malta. Il-lista ta’ linji tal-ajru attwali msieħba fil-kondiviżjoni tal-kodiċi tinkludi lil KLM, Air France, Lufthansa, Brussels Airlines, Austrian, Swiss, Meridiana, Turkish Airlines, Aeroflot, Etihad u Emirates. 

“In-Net Promoter Score tagħna, indiċi li jvarja minn -100 sa 100 u li jkejjel ir-rieda tal-klijenti li jirrakkomandaw il-prodotti jew is-servizzi ta’ kumpanija lil oħrajn qed jiżdied. Matul l-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru aħna tellajna punteġġ NPS ta’ 54, li hu punteġġ għoli f’kull industrija. Din hija aħbar oħra tajba għall-Air Malta peress li dan l-indiċi jintuża biex jitkejjel is-sodisfazzjon ġenerali tal-klijent bil-linja tal-ajru u l-lealtà tal-klijent lejn il-marka”, ikkummentat is-Sinjura Silling.

Din ix-xitwa li ġejja l-Air Malta qed topera medja ta’ titjiriet diretti u skedati kull ġimgħa lejn u minn: Algiers (2), Amsterdam (4), Ateni (2), Berlin (3), Brussell (7), Katanja (9), Dusseldorf (5), Frankfurt (6), Ħamburg (2), Londra Gatwick (7) u Londra Heathrow (14), Manchester (4), Milan Linate (5), Moska Domodedovo (2), Munich (7), Pariġi Charles de Gaulle (6) u Pariġi Orly (4), Ruma (7), Vjenna (4), u Zurich (7). 
 
L-Air Malta tħaddem skeda ta’ titjiriet b’ħinijiet konvenjenti lejn l-ajruporti ta’  bliet ewlenin, billi toffri aċċess u konnessjonijiet faċli bi skeda ta’ titjiriet affidabbli. Flimkien ma’ linji tal-ajru msieħba, il-linja tal-ajru Maltija toffri netwerk ta’ aktar minn 100 destinazzjoni. L-iskeda ta’ ħinijiet tal-linja tal-ajru tinstab online fuq www.airmalta.com.  

Bħala parti mill-bidliet fil-prodotti li ġew introdotti dan l-aħħar, il-linja tal-ajru bidlet għal kollox il-politika tagħha dwar l-allowance tal-bagalji favur il-klijenti. L-Air Malta trid li l-klijenti tagħha jkomplu jkollhom is-serħan tal-moħħ u toffri allowance bla ħlas ġeneruża ta’ bagalja tal-idejn ta’ 10kg u allowance ta’ bagalja checked-in ta’ 20kg bla ħlas, anki fuq l-orħos tariffa ‘Simply Fly’ tagħha. Il-passiġġieri tal-Business Class jingħataw allowance ta’ żewġ bagalji tal-idejn b’piż totali ta’ 15kg u allowance sa żewġ bagalji fl-istiva (massimu ta’ 64) għall-klijenti ‘Business Anytime’ tagħha. Dawn il-bidliet pożittivi huma parti mill-inizjattivi tal-linja tal-ajru ‘We Care More’. 

Għal aktar tagħrif żur www.airmalta.com, jew idħol www.facebook.com/AirMalta jew żur lill-aġent tal-ivvjaġġar lokali tiegħek.

-tmiem-

1