L-Air Malta Taggorna is-Sit Elettroniku Popolari Tagħha

Novembru 4, 2015

Data: L-Erbgħa, 4 ta’ Novembru 2015
Ref: 066 - 2015 MT

L-Air Malta nediet verżjoni ġdida tas-sit elettroniku popolari tagħha www.airmalta.com f’wieħed modern bl-aħħar tekonologija. Issa l-klijenti għandhom jsibuha aktar faċli li jfittxu fis-sit li issa joffri funzjonijiet u servizzi addizzjonali lill-klijenti fosthom l-aqwa offerti personalizzati skont fejn ikun jinsab il-klijent.

Bid-disinn minimalistiku ġdid tagħha, il-paġna ewlenija issa qiegħda tiffoka fuq kif wieħed jagħmel prenotazzjoni b’mod aktar faċli u tippreżenta l-aħjar tariffi disponibbli lill-klijenti. Id-disinn il-ġdid tas-sit għandu l-għan li jtejjeb l-esperjenza tal-utent billi jipprovdi aċċess għall-informazzjoni aktar mgħaġġel u faċli permezz ta’ informazzjoni aktar strutturata ta’ kif wieħed jista’ jibbrawżja l-kontenut u jaċċessa l-funzjonijiet ewlenin fis-sit elettroniku. Is-sit għandu l-għan li jżid il-personalizzazzjoni ta’ kull utent bl-użu ta’ cookies li jiftakru l-għażliet tiegħu. 

Fil-kummenti tagħha dwar dan, Ursula Silling, il-Kap Uffiċjal tal-Kummerċ tal-Air Malta qalet, “Aħna ħerqana ħafna għal din it-tnedija mill-ġdid tas-sit elettroniku tagħna. L-għan ta’ dan il-proġett kien li noffru pjattaforma sempliċi iżda fl-istess ħin aktar effiċjenti biex intejbu l-esperjenza tal-klijenti u nagħmlu l-ivvjaġġar mal-Air Malta aktar faċli u konvenjenti.”

“Is-sit huwa l-vetrina tal-ħanut ewlieni tagħna fejn il-klijenti jistgħu jsibu l-aħjar u l-aqwa għażla ta’ offerti possibli. Is-sit il-ġdid segwa r-reviżjoni estensiva tal-proċess tax-xiri online bl-għan li dan isir aktar faċli u aktar mgħaġġel. Ippruvajna noħolqu menu ta’ navigazzjoni aktar ċar u nippersonalizzaw l-esperjenza tal-utent billi ninkludu kontenut immirat għal utenti speċifiċi”, kompliet iżżid is-Sinjura Silling. 

“Dawn huma biss l-ewwel passi. Qegħdin naħdmu biex intejbu aktar l-aspett elettroniku. Is-sit il-ġdid jagħmel is-servizz taċ-check-in permezz tat-telefon ċellulari u tal-web aktar faċli u aktar titjieb ser inħabbruh f’aktar dettal fil-ġimgħat li ġejjin”, qalet is-Sinjura Silling.

www.airmalta.com tattira ’l fuq minn 6 miljun viżitatur fis-sena  u l-linja tal-ajru kunfidenti li b’dawn it-tibdiliet l-ġodda n-numru tal-viżitaturi ser jkompli jiżdied. 

Is-sit huwa disponibbli f’seba’ lingwi (il-Malti, l-Ingliż, il-Ġermaniż, it-Taljan, il-Franċiż ir-Russu u l-Olandiż) filwaqt li l-konfigurazzjonijiet jinbidlu skont il-preferenzi tal-lingwa tal-brawżer tal-utent. 

Is-sit joffri punt uniku ta’ servizz lill-klijenti permezz ta’ firxa ta’ faċilitajiet ta’ prenotazzjoni u ta’ ħlas online li jinkludu titjiriet tal-Air Malta, għażla wiesgħa ta’ akkomodazzjoni f’lukandi f’Malta, u kiri ta’ karozzi. www.airmalta.com joffri konnessjonijiet siguri u kriptati.  

Żur is-sit elettroniku www.airmalta.com, www.facebook.com/AirMalta għal aktar informazzjoni.

-tmiem-
1