Farewell lill-Kaptan tal-Air Malta Charles Massa

Ġunju 9, 2016

Data: Il-Ħamis, 9 ta’ Ġunju 2016
Ref: 038-2016 MT


L-ewwel titjira tal-Air Malta li ġie operata minn kaptan Malti kienet it-titjira KM116 li telqet lejn Gatwick fit-8 ta’ Ottubru 1985. Il-Kaptan ta’ dik it-titjira kien Charles Massa li kellu 31 sena.


Dak iż-żmien, it-titjiriet kollha tal-Air Malta kienu jiġu operati minn kaptana barrani u Charles kien itir taħt is-superviżjoni tagħhom huwa u jħejji ruħu sabiex xi darba jkun hu l-kaptan. Il-ftuħ tal-Air Malta ġab miegħu opportunitajiet ġodda u eċċitanti għaż-żgħażagħ Maltin interessati li jkollhom karriera fl-avjazzjoni. Fl-1974, il-possibilitajiet li wieħed isir bdot f’Malta kienu remoti ħafna. 

Wara 41 sena jtir għall-Air Malta, 31 minnhom bħala Kaptan, is-Sur Massa tar total ta’ 25,000 siegħa u wettaq aktar minn 8,000 take-off u nżul. L-aħħar titjira tiegħu, KM 612 Malta – Ruma – Malta, kienet dik tal-Ħamis, 5 ta’ Mejju 2016.

Ikkuntattjat għal kumment, il-Kaptan Massa qal, “Minn mindu bdejt intir, rajt ħafna bidliet fl-industrija tal-avjazzjoni – kollha għall-aħjar. Minn titjib fis-sigurtà tal-linji tal-ajru u t-tibdil fit-teknoloġija tal-ajruplani li rrevoluzzjonat il-mod li bih aħna ntiru, inkluż strumenti tat-titjir u u navigational aids. Illum intiru b’ajruplani li huma aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u t-titjib teknoloġiku f’dan il-qasam huwa mistenni li jagħmel l-ajruplani aktar effiċjenti u sikuri.” 

Il-linja tal-ajru trodd ħajr lill-Kaptan Charles Massa għall-kontribut eċċellenti tiegħu tul dawn is-snin kollha u tixtieqlu rtirar mimli kuntentizza.


Ritratt 1: Il-Kaptan Massa flimkien mal-ekwipaġġ tiegħu fuq l-aħħar titjira tiegħu. Mix-xellug Rebecca Micallef, Claire Muscat, il-First Officer Paul Sultana, Analise Zammit, il-Kaptan Charles Massa, Anthony Schembri u Ian Gauci Borda.



Ritratt 2: Il-Kaptan Charles Massa




Ritratt 3: Il-Kaptan Massa milqugħ b’salut b’kanun tal-ilma mal-wasla tiegħu fuq l-aħħar titjira tiegħu lejn Malta.


Ritratti: Jason Muscat / Air Malta

-tmiem-
1