Il-Membri l-Ġodda tal-Ekwipaġġ tal-Kabina tal-Air Malta Jiksbu l-Ġwienaħ Tagħhom

Frar 22, 2013

L-Air Malta ppremjat lill-grupp ġdid ta' ekwipaġġ tal-kabina tagħha bil-ġwienaħ tagħhom waqt ċerimonja li saret fiċ-ċentru tat-taħriġ tal-kumpanija tal-ajru fi Skyparks. Din kienet l-ewwel ‘Ċerimonja tal-Għoti tal-Ġwienaħ’ (Wings Ceremony) li saret mill-Air Malta tul dawn l-aħħar snin. 

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-ġwienaħ hija l-kulminazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-kors ta' taħriġ intens mifrux fuq erba' ġimgħat li jridu jagħmlu l-membri kollha tal-ekwipaġġ tal-kabina qabel ikunu jistgħu jibdew il-karriera tagħhom mal-Air Malta.

Waqt l-avveniment, Philip Saunders, Kap Uffiċjal Kummerċjali tal-Air Malta, qal, “Iċ-ċerimonji tal-għoti tal-ġwienaħ huma dejjem speċjali u aħna ninsabu kburin li erġajna bdejna norganizzaw avvenimenti bħal dawn biex niċċelebraw is-suċċess tal-membri l-ġodda fit-tim tal-ekwipaġġ tal-kabina tagħna.” 

Is-Sur Saunders elenka ħames kwalitajiet ewlenin li għandhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu l-membri l-ġodda tal-ekwipaġġ tal-kabina: 1) sigurtà eċċellenti, 2) li jsiru l-Ambaxxaturi u gwida għal dak li jistgħu joffru l-gżejjer Maltin, 3) jipprovdu servizz amikevoli u ġentili tal-aqwa klassi, 4) itejbu l-ħiliet tagħhom kontinwament u 5) jerfgħu r-responsabbiltajiet maniġerjali abbord.

“Kull titjira għandha tifsira speċjali għall-passiġġieri tagħna. Uħud minnhom jivvjaġġaw biex iżuru ħbieb u familjari tagħhom li jista' jkun li jkunu ilhom ma jiltaqgħu magħhom għal snin sħaħ, oħrajn jivvjaġġaw għal btala memorabbli, filwaqt li oħrajn jivvjaġġaw għal skop ta' negozju jew għal raġunijiet ta' saħħa. Għalhekk, huwa importanti li bħala membru tal-ekwipaġġ tal-kabina, inti għandek tara u tassigura li kull passiġġier iħossu speċjali,” ikkonkluda Saunders.  

Il-membri ġodda kollha tal-ekwipaġġ tal-kabina diġà kellhom karigi u pożizzjonijiet mal-kumpanija tal-ajru fil-passat u ntgħażlu wara sejħa interna għall-applikazzjonijiet. Dawk li pprovdew it-taħriġ ikkonfermaw li dan il-grupp kien wieħed mill-aqwa li qatt ħarrġu.

Minbarra li ġew ippreżentati bil-‘ġwienaħ’ tagħhom u bil-liċenzja sabiex joperaw bħala ekwipaġġ tal-kabina, ġew ippreżentati wkoll xi premjijiet lil dak li kiseb l-ogħla riżultati fil-kors, jiġifieri Christopher Aquilina, li ġab medja impressjonanti ta' 97% fit-testijiet u l-eżamijiet, kif ukoll lil Violet Sciberras, li ntgħażlet bħala l-aktar persuna umoristika tal-kors.

Għal din iċ-ċerimonja kienu preżenti wkoll il-Kaptan Mark Micallef Eynaud, il-Kap Uffiċjal tal-Operazzjonijiet tat-Titjiriet, Charlene Bebiano Oliveira, il-Kap tal-Ekwipaġġ tal-Kabina u tas-Servizzi waqt it-Titjira, il-Kaptan Martin Ferrando, Post Holder tat-Taħriġ tal-Ekwipaġġ, u l-istrutturi tal-kors Joe Fava, Charles Abdilla, Godwin Grech, Oliver Magri, Joseph Camilleri u Christopher Gove`. Għal din iċ-ċerimonja ġew mistiedna wkoll il-membri familjari tal-ekwipaġġ ġdid.

1