L-Air Malta taqleb għal Regolamenti Ewropej ġodda

Awwissu 8, 2014

Data: Il-Ħamis, 7 ta’ Awissu 2014
Ref: 070-2014 MT

L-Air Malta hi kburija li kienet l-ewwel operatur Malti minn aktar minn 20 operatur li għandhom Ċertifikat tal-Operaturi tal-Ajru (“AOC”), li temm b’suċċess it-tranżizzjoni lejn ir-Regolamenti Ewropej il-ġodda. Għalhekk, f’Lulju tal-2014, il-linja tal-ajru nazzjonali ngħatat AOC tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Transport Malta.

Il-linja tal-ajru kellha ssegwi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru, b’mod partikolari dawk ir-rekwiżiti għat-Trasport Kummerċjali bl-Ajru. 

Il-proċess estensiv għall-applikazzjoni u l-kisba tal-approvazzjoni regolatorja involva analiżi tad-diskrepanza bejn il-leġiżlazzjoni attwali u dik ġdida. Sabiex tkun konforma mar-Regolamenti l-ġodda u tikseb AOC tal-EASA, l-Air Malta kienet meħtieġa twettaq reviżjoni dettaljata tal-policies u l-proċeduri kollha tagħha.

Waħda mill-bidliet ewlenin fil-leġiżlazzjoni l-ġdida tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ Sistema ta’ Mmaniġġjar tas-Sikurezza (SMS), li tieħu post il-Programm attwali tal-Prevenzjoni ta’ Inċidenti u s-Sikurezza tat-Titjiriet. L-Air Malta daħħlet l-SMS fix-xitwa li għaddiet u matul dan il-proċess biddlet il-proċessi ta’ sikurezza tagħha fejn organizzat taħriġ fuq l-SMS għall-ħaddiema kollha tagħha. L-SMS hija għodda tassew siewja li ssaħħaħ is-sikurezza fi ħdan linja tal-ajru.

Matul il-preżentazzjoni taċ-Ċertifikat tal-Operaturi tal-Ajru (“AOC”), Louis Giordimaina, Kap Eżekuttiv tal-Air Malta qal: “Mill-ġdid, il-linja tal-ajru nazzjonali wriet li hija minn ta’ quddiem nett fl-industrija fil-gżejjer tagħna u dan bis-saħħa tar-riżorsi umani ta’ esperjenza f’dan il-qasam.”
1