L-Air Malta tippreżenta ajruplan bil-livery oriġinali tagħha biex tikkommemora l-40 anniversarju tagħha

April 17, 2014

Data: L-Erbgħa, 16 ta’ April 2014
Ref: 037-2014 

Illejla l-Air Malta nediet iċ-ċelebrazzjonijiet tal-40 anniversarju tagħha bil-wasla ta’ ajruplan li nżebagħ mill-ġdid bid-dehra oriġinali tas-snin 70.

Qabel ma niżel, l-ajruplan għamel żewġ titjiriet fil-baxx fuq ir-runway 31 u tar fuq il-Port il-Kbir, tas-Sliema, il-kosta tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta, il-Mosta, il-Qrendi u Birżebbuġa. 

L-ajruplan 9H-AEI opera t-titjira KM 40, li ntgħażlet b’mod xieraq għall-okkażjoni, u wasal f’Malta wara li nżebagħ mill-ġdid f’Ostrava (ir-Repubblika Ċeka). Qabel kien qiegħed jintuża fil-Messiku fuq kirja fit-tul lil Interjet.

L-ajruplan ingħata merħba fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul avveniment li għalih kienu preżenti l-viċi Prim Ministru Louis Grech, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Żammit Lewis u l-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Louis Giordimaina. L-ajruplan imbagħad ġie mbierek mill-kappillan tal-ajruport, Dun Donald Bellizzi.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm l-ambaxxaturi tal-pajjiżi fejn l-Air Malta bdiet titjiriet fl-1974 u l-ekwipaġġ tal-ewwel żewġ titjiriet inawgurali. Attendew ukoll bosta personalitajiet li għenu lil-linja tal-ajru fl-ewwel snin tagħha, ex-chairmen tal-Air Malta, impjegati attwali tal-Air Malta kif ukoll VIPs mill-komunità lokali tal-avjazzjoni.

Wara għadd ta’ diskorsi biex tiġi kkomemorata l-okkażjoni, il-mistiednin ġew mistiedna għal riċeviment fil-ħangar ta’ manutenzjoni tal-linja tal-ajru, fejn ġiet ippreżentata wirja fotografika tas-snin formattivi tal-Air Malta li inkludiet ukoll filmati televiżivi tal-inawgurazzjoni tal-Air Malta, 40 sena ilu.

Numru ta’ impjegati libsu wkoll uniformijiet differenti użati f’dawn l-aħħar erbgħin sena mil-linja tal-ajru. 

L-ewwel titjira tal-Air Malta seħħet fl-1 ta’ April 1974, meta Boeing 720B tar mill-ajruport ta’ Ħal Luqa sa Heathrow f’Londra.

1