L-Air Malta tibda s-sajf kmieni b’titjiriet lejn ajruporti reġjonali fir-Renju Unit

Jannar 10, 2014

Data: Il-Ġimgħa, 10 ta' Jannar 2014
Ref: 005-2014


Din is-sena l-Air Malta ser tibda s-sajf kmieni billi tibda’ taqdi firxa ta’ ajruporti reġjonali fir-Renju Unit minn April żmien tajjeb biex iżżid it-traffiku għar-rebbiegħa u l-perjodu tal-Għid. It-titjiriet lejn u minn Birmingham, Bristol, Cardiff, Glasgow, Exeter u Norwich ser jibdew mit-8 ta’ April sat-28 ta’ Ottubru.

Il-Kap Uffiċjal Kummerċjali tal-Air Malta Philip Saunders qal li din kienet risposta għal żieda notevoli fid-domanda għal vaganzi f'perjodi tas-sena l-aktar kwieti.

“Din is-sena l-Għid jiġi tard, u għalhekk iddeċidejna li nressqu ‘il quddiem il-bidu ta’ dawn l-operazzjonijiet reġjonali għal April minflok Mejju,” stqarr is-sur Saunders. 

Huwa qal li permezz ta’ din iż-żieda fit-titjiriet ta' tluq u t-tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' titjiriet diretti minn/lejn dawn l-ajruporti, il-viżitaturi issa għandhom aktar opportunitajiet li jivvjaġġaw lejn u mill-ajruport li jinsab eqreb tad-destinazzjoni tagħhom jew ta’ fejn jgħixu.

L-Air Malta topera dawn is-servizzi reġjonali bħala suppliment għas-servizzi skedati regolari lejn/minn Heathrow, Gatwick u Manchester.

L-Air Malta toffri konċessjoni b’xejn ta’ 20kg għal bagalji rreġistrati li jinżammu fl-istiva kif ukoll 10kg għal bagalji tal-idejn għal kull persuna fuq it-titjiriet tagħha. It-titjiriet jistgħu jiġu rriżervati permezz tal-portal tal-linja tal-ajru u ċ-ċentru tat-telefonati internazzjonali +356 21 66 22 11.


Photo by Cedric Galea Pirotta

1