Il-Kaptan Mark Micallef Eynaud mogħti l-premju ta’ Avjatur tas-Sena

Mejju 14, 2013

Il-Kaptan Mark Micallef Eynaud, li huwa l-Kap Uffiċjal għall-Operazzjonijiet ta’ Titjiriet tal-Air Malta, ingħata l-Premju prestiġjuż ta’ Avjatur tas-Sena matul it-tieni edizzjoni tal-Premji tal-Avjazzjoni organizzati minn World Airnews. Dan l-avveniment sar fl-uffiċċju prinċipali tal-Bank of Valletta f’Santa Venera t-Tlieta waranofsinhar.

Dan il-premju ġie ppreżentat wara l-filmat li nġibed fl-ajru u t-teħid ta’ ritratti promozzjonali madwar il-gżejjer Maltin f’Marzu li għadda fejn rajna għall-ewwel darba formazzjoni ta’ Airbus A320 tal-Air Malta jtiru f’altitudni ta’ bejn 1500 u 2000 pied madwar il-gżejjer Maltin. Dan l-avveniment iġġenera ħafna interess u l-filmati u r-ritratti nxterdu sew fi ftit siegħat fuq il-midja soċjali.

Matul il-preżentazzjoni tal-premju rajna wkoll it-tnedija tal-Malta Special, artikolu ta’ 8 paġni li deher fil-World Airnews Magazine. Din ir-rivista internazzjonali ġabet ukoll fuq il-qoxra ta’ quddiem ir-ritratti tal-Air Malta meħuda fl-ajru fuq il-Belt Valletta.

Il-Kaptan Mark Micallef Eynaud kellu f’idejh il-kontroll ta’ wieħed mill-Airbus A320 tal-Air Malta u kellu sehem kruċjali fit-tħejjija għat-titjiriet. Kellu jsir ħafna ppjanar sabiex tiġi organizzata u kkoordinata din l-esperjenza minn bosta dipartimenti tal-Air Malta li inkludew dawk tal-Operazzjonijiet tat-Titjiriet, tal-Marketing u l-Branding, tal-Komunikazzjoni Korporattiva, tas-Servizzi tal-Merkanzija u tal-Ground Handling. L-ippjanar inkluda wkoll il-parteċipazzjoni ta’ bosta organizzazzjonijiet esterni, fosthom is-Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili. Matul l-ippjanar, kien kruċjali li tiġi żgurata s-sigurtà tat-titjiriet.

Il-kumitat tal-għażla, li kellu l-inkarigu li jidentifika r-rebbieħa, kien ippresedut mill-avukatessa Francesca Galea, li hija speċjalizzata fil-qasam tal-avjazzjoni,  u li kienet assistita mill-Kaptan Sinclair Portelli u l-lekċerer tal-Università, Riccardo Flask.

Il-Premju ta’ World Airnews għal Kisba tul il-Ħajja kien ippreżentat mill-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella lid-direttur tal-Mużew tal-Avjazzjoni ta’ Malta Ray Polidano, li bis-saħħa tal-viżjoni tiegħu ġiet stabbilita waħda mill-attrazzjonijiet turistiċi ewlenin ta’ Malta f’Ta’ Qali. Il-Fondazzjoni tal-Mużew tal-Avjazzjoni ta’ Malta mmexxi minn Ray Polidano ġie mfaħħar talli dejjem jaħdem biex iżid eżibiti interessanti, waqt li rnexxielu wkoll jirristawra inġenju tal-ajru biex ikun jista' jerġa' jibda jtir.

Is-Sur Alex Vit, li huwa d-Direttur Maniġerjali tal-Maintenance Centre Malta, ġie ppreżentat bil-Premju ta’ Mexxej tas-Sena mill-Kaptan Sinclair Portelli.

World Airnews huwa l-ġurnal ewlieni tal-avjazzjoni fl-Afrika b’aktar minn 50,000 qarrej madwar id-dinja, li l-maġġoranza tagħhom huma ekwipaġġ li jaħdmu abbord u protagonisti ewlenin fl-industrija tal-avjazzjoni.

Il-Kaptan Mark Micallef Eynaud, li huwa l-Kap Uffiċjal għall-Operazzjoni tat-Titjiriet tal-Air Malta jiġi ppreżentat bil-Premju ta’ Avjatur tas-Sena mis-Sur Charles Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta.

Il-qoxra ta’ quddiem tal-World Airnews Magazine li fih tinsab l-edizzjoni speċjali dwar Malta.

 

 

 

1