L-Air Malta tikseb ċertifikat ewlieni tal-industrija

Ġunju 13, 2014

Data: Il-Ġimgħa, 13 ta’ Ġunju 2014
Ref: 056-2014 MT


Dan l-aħħar, l-Air Malta ġeddet ir-reġistrazzjoni tal-Verifika tas-Sigurtà Operattiva tal-IATA (IOSA) wara verifika komprensiva mwettqa minn Organizzazzjoni tal-Awditjar barranija approvata mill-IATA. L-IOSA hija sistema ta’ evalwazzjoni rikonoxxuta fuq livell internazzjonali, imfassla biex tivvaluta l-ġestjoni operattiva u s-sistemi ta’ kontroll tal-linji tal-ajru.

Il-verifika tkopri d-dipartimenti operattivi kollha tal-linja tal-ajru jiġifieri: Is-Sistema ta’ Organizzazzjoni u Ġestjoni, l-Operazzjonijiet tat-Titjira, il-Kontroll Operattiv u t-Tluq tat-Titjiriet, l-Inġinerija u l-Manutenzjoni tal-Ajruplani, l-Operazzjonijiet tal-Kabina, l-Operazzjoni ta’ Tqandil fuq l-Art, l-Operazzjonijiet tal-Merkanzija u tas-Sigurtà. Kull dipartiment huwa vverifikat għall-policies u l-proċeduri meħtieġa, kif ukoll għall-implimentazzjoni korretta.  

Għaldaqstant, l-IOSA hija l-parametru referenzjarju għall-ġestjoni tas-sigurtà globali fil-linji tal-ajru. Il-membri tal-IATA kollha huma rreġistrati u jridu jibqgħu rreġistrati sabiex iżommu l-isħubija fil-IATA.

Mal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, Louis Giordimaina, CEO u Maniġer Kontabbli tal-Air Malta qal: “Din ir-reġistrazzjoni mġedda hija xhieda tal-ħidma u d-dedikazzjoni bla waqfien tal-Air Malta u speċjalment tar-riżorsi umani esperjenzati tagħha.” 

“Nirringrazzja lill-impjegati kollha għall-isforzi bla waqfien tagħhom, li ntwerew b’mod ċar matul il-verifika tat-tiġdid ta’ din is-sena. Din il-verifika hija f’konformità mal-policies ta’ Sikurezza, Sigurtà u konformità tal-Linja tal-Ajru li, ‘nipprovdu lill-klijenti u l-impjegati tagħna bl-ogħla livell ta’ sigurtà, sikurezza u konformità li jista’ jintlaħaq fl-ambjent ta’ xogħol tagħna, filwaqt li nistinkaw għal titjib kontinwu’. Bis-Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sigurtà (SMS) tagħna li ġiet introdotta dan l-aħħar, il-linja tal-ajru aġġornat u tejbet l-immaniġġjar proattiv tagħha tal-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-linja tal-ajru,” żid jgħid is-Sur Giordimaina.

Mill-aqwa tliet linji tal-ajru li operaw lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-2013, li flimkien ġarrew 80% tal-passiġġieri lejn Malta, l-Air Malta hija l-unika linja tal-ajru fuq ir-reġistru tal-IOSA.





L-istampa turi lill-Uffiċjal Kap Ezekuttiv tal-Air Malta, Louis Giordimaina jiġi ppreżentat bir-reġistrazzjoni tal-Verifika tas-Sigurtà Operattiva tal-IATA (IOSA) mill-Kaptan Robin J. Zammit, il-Kap tas-Sigurtà u l-Konformità tal-Air Malta.
1