Lura lejn Frankfurt! L-Air Malta Tħabbar l-Iskeda ta’ Titjiriet lejn Frankfurt

Lulju 21, 2017

L-Air Malta se terġa’ tibda ttir lejn Frankfurt minn nhar il-Ħadd 29 ta’ Ottubru bi frekwenza ta’ erba’ darbiet fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, Ġimgħa u Ħadd.

“L-Air Malta hija impenjata li tespandi r-rotot u l-frekwenza tat-titjiriet tagħha lejn l-ajruporti ewlenin tal-Ewropa. Frankfurt hija importanti kemm għat-turisti li jaslu fiha kif ukoll għal dawk li jivvjaġġaw fuq negozju u għal konnessjonijiet tat-titjiriet transkontinentali. Id-deċiżjoni tal-Air Malta hija konformi mal-istrateġija ta’ tkabbir tal-linja tal-ajru”, qal il-Ministru għat-Turiżmu, Dr Konrad Mizzi.

Paul Sies, Kap Kummerċjali tal-Air Malta żied jgħid, “Ninsabu tassew ferħana li l-Bord tad-Diretturi l-ġdid appoġġja l-pjanijiet tagħna li nerġgħu nintroduċu r-rotta ta’ Frankfurt. Aħna nemmnu li permezz ta’ tibdil fil-kundizzjonijiet u billi nagħtu spinta kummerċjali ġdida nistgħu nerġgħu nagħmlu din ir-rotta profittabbli u nerġgħu ngħaqqdu lil Malta ma’ dan iċ-ċentru Ewropew importanti. Din tista’ titqies bħala aħbar tajba kemm għall-Maltin kif ukoll il-Ġermaniżi li jżuru liż-żewġ pajjiżi billi jivvjaġġaw fi gruppi jew jagħmlu l-arranġamenti individwali tagħhom. L-istruttura kummerċjali u l-istrateġija ta’ prezzijiet il-ġodda tal-Air Malta se jkunu ta’ għajnuna biex aktar nies jużaw dan is-servizz”.

Frankfurt am Main hija metropoli u waħda mill-ikbar ibliet fl-Istat Ġermaniż ta’ Hesse u l-ħames l-ikbar belt fil-Ġermanja. Din il-belt, li bħalissa tista’ titqies bħala l-aktar ċentru kummerċjali u ekonomiku importanti fl-Ewropa kontinentali, ħafna drabi tikklassifika fost l-aqwa għaxart ibliet li wieħed jista’ jgħix u jagħmel negozju fihom.

Il-ħinijiet se jkunu kif ġej:

KM328

tluq

Malta

16:25

wasla

Frankfurt

19:10

KM329

tluq

Frankfurt

20:10

wasla

Malta

22:40

Frankurt hija metropoli turistika importanti b’uħud mill-aqwa attrazzjonijiet turistiċi tagħha li jinsabu eżattament fil-qalba taċ-ċentru tal-belt, fosthom il-moll tal-mużewijiet ta’ Frankfurt (Museumsufer), knejjes storiċi, ħwienet fuq stil antik, u l-Belt il-Qadima (Aldstadt) bil-bini sabiħ tagħha magħmul kważi kollu mill-injam u l-pjazza pittoreska ta’ din il-belt (ir-Römerberg). Fost l-aktar affarijiet interessanti li tista’ tagħmel fi Frankurt hemm li żżur id-diversi siti storiċi (id-Dar ta’ Goethe, Katidrali u Knejjes Gotiċi, il-Hauptwache), il-Mużewijiet (Staedel, Museumsufer, il-Mużew tan-Natura ta’ Senckenberg), in-Natura u l-Parks (Palmengarten, il-Ġnien Ċiniż, Lohrpark), il-Monumenti u l-Istatwi (Goethe, Gutenberg-Denkmal, Schillerdenkmal), kif ukoll punti ta’ interess oħrajn u postijiet ewlenin magħrufa sew (Romer, Mainkai street, Berger street, Gerechtigkeitsbrunnen).

Biex tikseb aktar informazzjoni tista’ tidħol fuq www.airmalta.com, iċċempel iċ-Ċentru Telefoniku tal-Air Malta fuq +356 21662211, mill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta ġewwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew mill-Aġenti tal-Ivvjaġġar ġewwa Malta jew il-Ġermanja.

1