L-Ewwel Deċiżjonijiet tal-Bord Ġdid tal-Air Malta – Il-Kumpanija tal-ajru terġa' tibda r-rotta ta’ Frankfurt

Lulju 13, 2017

Il-Bord tad-Diretturi l-ġdid tal-Air Malta iltaqa' l-bieraħ għall-ewwel darba taħt ic-Chairman l-ġdid, is-Sur Charles Mangion. Il-bord ġie mgħoti rendikont tas-sitwazzjoni finanzjarja attwali u l-pjanijiet kummerċjali tal-linja tal-ajru nazzjonali u ħa l-ewwel deċiżjonijiet kummerċjali tiegħu.

Bħala parti mill-ewwel deċiżjonijiet tal-Bord, ġie approvat li minn Novembru li ġej l-Air Malta se terġa' tibda s-servizzi tagħha lejn Frankfurt b’erba' titjiriet fil-ġimgħa fix-Xitwa u kuljum mis-Sajf li ġej. Il-linja tal-ajru ssa bdiet kampanja intensiva biex tippromwovi din ir-rotta l-ġdida fis-suq.

L-Air Malta kienet issospendiet it-titjiriet tagħha lejn Frankfurt dan is-sajf (2017). Is-servizzi l-ġodda tal-Air Malta ser jiġu appoġġjati permezz ta’ bejgħ aktar aggressiv mill-linja tal-ajru li qiegħda torganizza mill-ġdid il-qasam kummerċjali tagħha fil-Ġermanja u swieq prinċipali oħra primarjament ġewwa l-Ewropa.

Bidliet ulterjuri oħra huma mistennija fil-qasam kummerċjali nkluż firxa ta' prodotti ġodda. Dawn se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.


1