L-Air Malta tiffirma Kodiċi Globali tal-Etika għat-Turiżmu tal-UNWTO

Mejju 26, 2017

L-Air Malta ffirmat il-Kodiċi Globali tal-Etika ta’ UNWTO għat-Turiżmu. Dan il-kodiċi huwa l-qafas fundamentali ta’ riferiment għal turiżmu responsabbli u sostenibbli u jirrappreżenta impenn b’saħħtu mil-linja tal-ajru biex issegwi sett komprensiv ta’ prinċipji mfassla biex jiggwidaw organizzazjonijiet ewlenin fl-iżvilupp tat-turiżmu. Fuq il-bażi tiegħu jitħejja pjan direzzjonali għal żvilupp tat-turiżmu sostenibbli approvat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2001.

Il-kodiċi jimmira li jgħin biex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tas-settur filwaqt li jiġi mminimizzat l-impatt potenzjalment negattiv tiegħu fuq l-ambjent, il-wirt kulturali u s-soċjetajiet. L-Air Malta kienet il-515-il organizzazzjoni madwar id-dinja li ffirmat dan il-kodiċi, filwaqt li Malta kienet is-70 pajjiż li approvat din l-inizjattiva.

L-Air Malta kienet waħda mill-ewwel organizzazzjonijiet Maltin li qasmet u xprunat dawn il-kunċetti fost il-komunità. Sa mill-bidu tagħha, l-Air Malta xprunat diversi inizjattivi ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva u assistiet lil diversi organizzazzjonijiet u individwi f’oqsma differenti inklużi każijiet umanitarji, mediċi u soċjali, kawżi ambjentali, protezzjoni tal-wirt, attivitajiet filantropiċi kif ukoll inizjattivi relatati mal-kultura u l-isport.

L-Air Malta tkompli turi l-impenn u l-appoġġ tagħha lejn il-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Bħala l-linja tal-ajru nazzjonali tal-gżejjer Maltin, l-Air Malta għandha r-responsabbiltà li tkompli tappoġġja l-komunità lokali, xi darbi anki bi spiża konsiderevoli għaliha nnifisha. L-ebda linja tal-ajru oħra li taħdem lejn Malta ma tipprovdi appoġġ kontinwu għal organizzazzjonijiet volontarji u mhux governattivi bħall-Air Malta.

Qasam wieħed prinċipali fejn il-linja tal-ajru hija attiva ħafna huwa fl-għoti ta’ assistenza lill-Maltin u lill-Għawdxin biex isiefru barra minn Malta għall-kura. Is-sena l-oħra (2016), l-Air Malta ġarret 21 “stretcher” u 15-il inkubatur. Il-linja tal-ajru assumiet ir-responsabbiltà li tfassal u tiċċertifika lqugħ għall-inkubatur sabiex dan jiġi ttrasportat abbord waqt it-titjiriet. Dan l-ilqugħ kellu jiġi approvat mill-EASA (Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni) biex jiġi żgurat li l-aċċessorji strutturali li jitwaħħlu ma’ kabina ta’ ajruplan ikunu jistgħu jifilħu t-tagħbijiet kollha meħtieġa, inklużi dawk waqt l-emerġenzi.

L-Air Malta hija wkoll f’kuntatt b’mod regolari mal-awtoritajiet tas-saħħa biex iġġorr mediċini u materjal mediku urġenti ieħor lejn u minn Malta, fejn xi drabi jiġu anki aġġustati l-operazzjonijiet tat-titjiriet sabiex dan ikun akkomodat. Xi partijiet minn dan il-materjal jinkludi sustanzi radjuattivi sensittivi għall-ħin li huma meħtieġa għal madwar 40 pazjent li jbatu mill-kanċer kull ġimgħa. Il-materjal jiġi ttrasportat tlett darbiet fil-ġimgħa fuq it-titjira ta’ Ruma tal-Air Malta u saru arranġamenti biex dan jiġi ttrasportat lejn l-isptar Mater Dei fejn tiġi mogħtija l-kura.

Minbarra li jassistu f’dawn il-każijiet l-Air Malta u l-impjegati tagħha jassistu lil diversi organizzazzjonijiet u individwi f’oqsma differenti inkluż il-protezzjoni umanitarja, filantropika, kulturali, u tal-wirt, l-isports u inizjattivi ambjentali. Abbord l-ajruplan tal-linja tal-ajru jiġu organizzati wkoll diversi kampanji ta’ donazzjoni biex jassistu kawżi nazzjonali bħal Puttinu, Hospice (Malta), Breast Care Support Group, u l-Community Chest Fund.

Matul is-snin l-Air Malta intensifikat ukoll l-inizjattivi ambjentali tagħha li minbarra li naqset, użat mill-ġdid u rriċiklat materjal iġġenerat mill-attivitajiet tagħha, sponsorjat numru ta’ attivitajiet ta’ tħawwil tas-siġar li raw fost l-oħrajn il-parteċipazzjoni attiva tal-impjegati tagħha. Il-linja tal-ajru ħawlet mijiet ta’ siġar bħala parti mill-kampanja Tree 4U f’Ta’Qali, fis-Salini u fil-Kumpless Sportiv ta’ Luqa St.Andrews. Hi tat ukoll bħala donazzjoni 350 siġra taż-żebbuġ lill-Koperattiva Rurali Manikata.

L-impjrgati tal-linja tal-ajru ta wkoll kontribut b’mod sinifikanti lill-attivitajiet CSR tal-linja tal-ajru. Avvenimenti reċenti jinkludi għoti tad-demm, ġbir ta’ fondi għal Puttinu Cares u donazzjoni ta’ logħob interattiv elettroniku lil Rainbow Ward, maratoni bir-roti għall-karità u titjiriet filantropiċi għal Lourdes. L-Air Malta torganizza avvenimenti ta’ ġbir abbord biex tgħin lil organizzazzjonijiet internazzjonali li jassistu l-komunitajiet lokali fl-oqsma filantropiċi u umanitarji.

L-istampa turi l-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis (l-ewwel wieħed fuq ix-xellug) flimkien ma’ Joseph Galea, Aġent CEO tal-Air Malta (fin-nofs) wara ċ-ċerimonja tal-iffirmar kodiċi globali tal-etika ta’ UNWTO għat-turiżmu fil-Forti Sant’Anġlu, il-Birgu fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-UNWTO, Taleb Rifai.

1