Ir-Rivista Abbord it-Titjiriet tal-Air Malta Mogħtija Dehra Ġdida

Mejju 5, 2017

Dan ix-xahar l-Air Malta ippreżentat ir-rivista ta’ kull xahar Il-Bizzilla pprovduta abbord it-titjiriet tagħha b’dehra moderna. F’dawn l-aħħar xhur ir-rivista ngħatat dehra kompletament ġdida b’disinn aktar aġġornat u b’editura ġdida li nħatar reċentement bl-iskop li tibqa’ waħda mill-aqwa rivisti abbord it-titjiriet.  

Id-disinn il-ġdid juża linji definiti li jikkumplimentaw it-tqassim u l-elementi editorjali tar-rivista waqt li jippermetti aktar spazju u fluss aktar faċli għall-artikli. B’forom ġeometriċi bħal elementi lineari jew ċirkolari, it-tfassil mill-ġdid ta’ Il-Bizzilla ħa dehra ġdida ta’ stil u eleganza.

Fl-edizzjonijiet kollha se jintużaw stampi akbar biex ikun żgurat li l-vjaġġ tal-qarrejja jkun wieħed pjaċevoli kemm jista’ jkun. Għalkemm spazji akbar imtlew bi stampi li jattiraw l-għajn, ħafna mis-sezzjonijiet ġew imqassma b’mod li jħallu aktar spazju abjad fuq il-paġna fejn il-qarrejja jkunu jistgħu jserrħu għajnejhom. It-tqegħid ta’ stampi kkuluriti flimkien ma partijiet spazzjużi fil-pubblikazzjoni joffru dehra u sensazzjoni aktar moderna.

Sabiex id-disinn il-ġdid ikun aktar attrajenti, għall-qoxra prinċipali intużat finitura matta b’dehra strutturata li tippermetti aktar ċarezza u attrazzjoni assolutament estetika.

Minbarra d-disinn ġdid, ġew miżjuda ċerti artikli editorjali biex il-kontenut ikun aktar varjat u l-kwalità tat-test titjieb b’mod li jagħmel kwalunkwe titjira tal-Air Malta aktar pjaċevoli. B’artiklu ntitolat “Talk of the Town” (Fuq Fomm Kulħadd), ir-rivista ser tiffoka fuq belt, raħal, jew grupp ta’ rħula lokali għal dik il-ħarġa tax-xahar, fejn ser tenfasizza l-akbar attrazzjonijiet Maltin b’attenzjoni fuq l-aspetti kulturali u storiċi jew tidħol fl-isfera tad-divertiment u tindika l-postijiet li wieħed jista’ jżur f’dik iż-żona.

Artiklu ġdid li se jieħu lill-qarrejja f’dinja kompletament ġdida, bħall-ivvjaġġar innifsu, huwa s-Sezzjoni ‘Fiction’, li tuża l-belt imsemmija f’”Talk of the Town” bħala ispirazzjoni għal silta affaxxinanti u mexxejja, fejn l-immaġinazzjoni ta’ dak li jkun tista’ timraħ kemm trid. Element ieħor li jgħinek tirrilassa u jiżgura qari pjaċevoli nħoloq permezz ta’ artikli aktar qosra u varjati li joffru tagħrif qasir dwar diversi suġġetti f’dik l-edizzjoni.

Id-dehra l-ġdida ta’ Il-Bizzilla kienet teħtieġ ħin u sforz biex ħadet sura u kemm il-linja tal-ajru kif ukoll il-pubblikaturi għandhom il-ħsieb li jibqgħu jaħdmu flimkien sabiex itejbu l-pubblikazzjoni. Il-bidliet u t-titjib se jissoktaw biex ir-rivista tal-linja tal-ajru nazzjonali toffri qari pjaċevoli u togħma tal-wirt tal-gżejjer Maltin.

Il-Bizzilla hija waħda mir-rivisti l-aktar maħbuba u li l-aktar jinqraw f’Malta. Għal ħafna turisti din hija l-ewwel u l-aħħar laqgħa tagħhom ma’ Malta, u ħafna mill-pjanijiet tal-btala jsiru abbażi tar-rivista. Flimkien mal-pubblikaturi tagħna nagħmlu ħilitna sabiex noffru l-aqwa suġġetti u kontenut ta’ divertiment possibbli lill-mistiedna differenti tagħna. Hemm ħafna xogħol involut biex din ir-rivista tiġi ppubblikata u jiena nemmen li d-disinn il-ġdid u aktar modern kif ukoll il-kontenut se jintgħoġbu u se joffru lill-mistiedna tagħna esperjenza ta’ qari unika”, qal Joe Galea, l-Aġent CEO tal-Air Malta.

“Ix-xogħol fuq Il-Bizzilla jeħtieġ mhux biss entużjażmu għall-kitba u għall-ippubblikar inġenerali … iżda wkoll imħabba kbira għall-kultura Maltija u għall-Gżejjer Maltin, flimkien ma’ kapaċità għad-dettall u kreattività. Jien kburija ħafna bid-disinn il-ġdid u bl-artikli l-ġodda tagħna u naf li maż-żmien kull element li implimentajna jerġa’ jitjieb,” qalet Kristina Cassar Dowling, Editur ta’ Il-Bizzilla.

Tista’ taqra l-verżjonijiet elettroniċi tar-rivista billi żżur is-sit web tal-Air Malta: www.airmalta.com/destinations/malta/bizzilla-magazine.
1