Għal darb’oħra l-Air Malta tgħaqqad lil Malta mal-Afrika ta’ Fuq, b’servizzi skedati ġodda lejn Tunis li se jibdew fis-26 ta’ Ġunju

April 25, 2017

L-Air Malta se tgħaqqad mill-ġdid lil Malta mal-Afrika ta’ Fuq wara li se jerġgħu jibdew servizzi skedati bejn il-gżejjer u l-Ajruport ta’ Tunis Carthage minn nhar it-Tnejn, 26 ta’ Ġunju 2017.

“Kuntenti ħafna li qed inħabbru li dan is-sajf se nerġgħu nirritornaw lejn l-Afrika ta’ Fuq bi tliet titjiriet fil-ġimgħa. Din hija t-tieni destinazzjoni li qed inħabbru f’ġimagħtejn. Is-sitwazzjoni fl-Afrika ta’ fuq konna qed insegwuha kuljum. Issa, is-sitwazzjoni fit Tuneżija qed terġa’ tiġi għan-normal u aħna rridu nkunu minn tal-ewwel biex nerġgħu ngħaqqdu l-Ewropa ma dan il-pajjiż. It-Tuneżija hija destinazzjoni meraviljuża u ninsabu fiduċjużi li din se tkun żieda sabiħa fl-iskeda tagħna, hekk kif ngħaqqdu t-Tuneżija mhux biss ma’ Malta, iżda wkoll ma’ ħafna mid-destinazzjonijiet Ewropej tagħna. Il-pajjiż huwa ideali għall-‘’weekend breaks’’ u għall-vaganzi fejn wieħed ċertament se jsib temp xemxi,” qal Paul Sies, il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta.

It-titjiriet tal-Air Malta se jżidu l-konnettività tat-titjiriet bejn it-Tuneżija u l-ibliet Ewropej ta’ Vjenna, Londra, Ruma, Amsterdam, Praga, Munich, Brussell, Marsilja, Katanja, Milan u Zurich b’ħin qasir ta’ konnettività fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-Air Malta se tipprovdi wkoll is-servizzi kollha tal-cargo fuq din ir-rotta, u b’hekk se tiffaċilita l-moviment tal-merkanzija bejn iż-żewġ pajjiżi u se tiftaħ gateway għall-cargo ġdid lejn u mit-Tuneżija u lil hinn minnha.

Tunis hija l-belt kapitali u l-akbar belt tat-Tuneżija. Mibnija fuq għolja, din il-belt ibrida u provinċjali toffri lill-vjaġġatur storja ta imperi u ċivilizzazzjonijiet differenti. Il-vjaġġaturi jistgħu jiskopru it-toroq u l-passaġġi dojoq tal-belt storika ta’ Medina, li sa mill-1979 kienet iddikjarata sit ta’ patrimonju tal-UNESCO. Medina tospita numru inkredibbli ta’ monumenti u postijiet ewlenin spettakolari prinċipalment palazzi, moskej u mużewijiet. Fin-naħa tal-Lvant tal-lag ta’ Tunis, hemm il-belt antika meraviljuża ta’ żmien il-Feniċi Carthage. Żjara f’ din il-belt straordinarja twassal għal esperjenza unika li ċertament tieħu lil dak li jkun lura fiż-żmien. Il-viżitaturi jistgħu jesploraw diversi fdalijiet ta żmien il-Feniċi u żmien ir-Rumani, filwaqt li jammiraw strutturi impressjonanti ta’ epoka Rumana li jvarjaw minn vilel għal banjijiet. Din il-belt imponenti tospita wkoll il-Palazz Presidenzjali. Bla dubju ta xejn, il-villaġġ pittoresk ta’ Sidi Bou Said li jinsab fil-quċċata tal-irdum, miżgħud b’moġħdijiet ħelwin, mhux ta’ min jitilfu. Huwa partikolarment maġħruf ġħall bini miżbugħ abjad filwaqt li mżejjen b’xogħlijiet interessanti tal-ħadid u aperrturi ta kulur blu. Minbarra s-siti storiċi u l-postijiet ewlenin, ġewwa it-Tuneżija ssib wkoll il-villaġġ tas-sajjieda ta’ Hammamet li huwa sinonimu ma’ bajjiet ramlija, riżorti sbieħ u nightlife vibranti.

Attrazzjonijiet oħra popolari jinkludu Sousse, Monastir, Port El Kantaoui, l-Anfiteatru ta’ El Jem u oħrajn. Meta jżuru t-Tuneżija u l-inħawi tal-madwar, il-vjaġġaturi jistgħu jduqu l-ikel u ħlewwiet lokali awtentici li joffri dan il-pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq.
Min-naħa l-oħra, Malta għandha ħafna x’toffri lit-Tuneżini minn bajjiet pjaċevoli u diskoteki moderni, għal monumenti antiki meraviljużi u wirt artistiku u kulturali impressjonanti li jmur lura għal sekli sħaħ.

L-iskeda tat-titjiriet se topera kif ġej:

It-Tnejn / L-Erbgħa / Il-Ġimgħa

 tluq  Malta  0205hrs  wasla  Tunis  0205hrs
 tluq  Tunis  0415hrs  wasla  Malta  0605hrs

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq www.airmalta.com, billi ċċempel liċ-Ċentru ta’ Kuntatt tal-Air Malta fuq +356 21662211, mill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta li jinsab fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew mill-Aġenti tal-Ivvjaġġar f’Malta jew f’Tunis.
Għal opportunitajiet ta’ cargo wieħed jista’ jikkuntattja lill-uffiċċju tal-bejgħ ta’ Malta fuq +356 22473700 jew jibgħat e-mail fuq: [email protected]
1