L-Air Malta Tirreġistra Tkabbir Matul l-Għid

April 28, 2017

Dan l-Għid, l-Air Malta rreġistrat tkabbir impressjonanti ta’ 14 % meta mqabbel mal-Għid tas-sena li għaddiet.

Il-linja tal-ajru qieset tmiem il-ġimgħa tal-Għid bħala suċċess kbir peress li din operat 22 titjira aktar mis-sena li għaddiet u ġarret 3,000 passiġġier addizzjonali.

“Ninsabu kunfidenti li l-mudell t’operat ġdied tagħna ser jkun instrumentali sabiex kummerċjalment niksbu riżultati aktar pożittivi. Kuntenti ħafna li rnexxielna niksbu riżultati daqstant qawwija. Il-prezzijiet kompetittivi tagħna flimkien ma distribuzzjoni aktar efficjenti, kif wkoll il-fatt li noffru l-aktar skeda ta’ titjiriet konvenjenti waqt li ntiru lejn ajruporti ta’ bliet ewlenin, ikkontribwixxa ferm għar-rekord fin-numru ta’ passiġġieri li ġarrejna. Dan juri biċ-ċar li qegħdin fit-triq it-tajba u li nistgħu nikkompetu f’ambjent ta’ kompetizzjoni ħarxa billi noffru l-aħjar valur għall-flus,” qal is-Sur Paul Sies, Kap Uffiċjal Kummerċjali.

F’Ħadd il-Għid u l-għada, it-Tnejn, l-Air Malta tat sorpriża lill-passiġġeri li kienu qed jivvjaġġaw fuq it-titjiriet magħżula, lejn u barra minn Malta b’hot chocolate b’xejn. Il-passiġġieri abbord apprezzaw dan il-ġest żgħir.

“L-Air Malta hija impenjata li tkompli tibni fuq dan is-suċċess u r-riżultati preliminari juru li f’April u f’Mejju li ġej nistgħu niksbu tkabbir tajjeb ħafna fin-numru ta’ passiġġieri. Għadna kif ħabbarna t-tnedija ta’ żewġ servizzi skedati ġodda lejn Tuneż u Tel Aviv li nisperaw li magħhom naċċessaw swieq ġodda waqt li noffru aktar għażliet ta’ konnettività lejn il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq. Aħna intiżi li nkomplu naħdmu biex inżidu l-passiġġieri tagħna u nkomplu nirreġistraw aktar tkabbir għall-benefiċċju tal-Gżejjer Maltin, l-impjegati u l-linja tal-ajru tagħna,” żied is-Sur Sies.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq on www.airmalta.com, billi ċċempel liċ-Ċentru Telefoniku tal-Air Malta fuq +356 21662211, mill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew minn Aġenti tal-Ivvjaġġar.

Għal opportunitajiet ta’ merkanzija, wieħed jista’ jikkuntattja lill-Uffiċċju tar-Riservazzjonijiet ta’ Malta fuq in-numru tat-telefon +356 22473700 jew permezz ta’ ittra elettronika fuq: [email protected].

1