Speech delivered by Air Malta's Chairman, Dr. Charles Mangion, at the opening of AMITEX 2019

Marzu 21, 2019

Onorevoli Ministru, Diretturi, Sinjuri. Merħba

Huwa ta’ unur għalija li llum ninsab hawnhekk, fil-ftuħ ta’ AMITEX, il-fiera annwali tal-ivvjaġġar organizzata mill-MFCC.  Din hija opportunità kbira biex l-Air Malta tniedi l-iskeda tas-sajf tagħha u turi l-prodotti u s-servizzi l-ġodda tagħha.

L-Air Malta tinsab kburija li tat bidu għall-AMITEX meta organizzatha għall-ewwel darba fl-1994. Fis-26 edizzjoni tagħha, l-AMITEX għadha toffri opportunità kbira biex il-vjaġġaturi Maltin jiskopru opportunitajiet tal-ivvjaġġar u biex jippjanaw il-vaganzi tas-sajf tagħhom. Il-fiera hija pjattaforma ideali fejn is-sħab tagħna - l-aġenti tal-ivvjaġġar - jistgħu jiltaqgħu, jiddiskutu u jbigħu prodotti relatati mal-ivvjaġġar lill-pubbliku ġenerali.

F’AMITEX, aħna qed inniedu l-iskeda tas-sajf tagħna li se tibda fi tmiem ta’ dan ix-xahar. Dan is-sajf, aħna qed nipproponu għażla interessanti ta’ 40 destinazzjoni skedata b’aktar minn 180 titjira bir-ritorn fil-ġimgħa. Qed inżidu l-frekwenza għal Paris Charles De Gaulle, Hamburg, Kiev, London Heathrow, Lyon, Munich, Tuneż, u wara nuqqas ta’ aktar minn 12 snin, se nerġgħu nħaddmu titjiriet lejn il-belt kapitali tal-Eġittu, il-Kajr. Għall-ewwel darba, il-linja tal-ajru se toffri wkoll servizzi skedati lejn / minn Varsavja fil-Polonja. B’kollox, qed nimmiraw li nġorru 1.46 miljun passiġġier. Dawn iż-żidiet jenfasizzaw l-impenn kontinwu tal-Linja tal-Ajru lejn l-industrija tat-turiżmu lokali, kif ukoll l-appoġġ li hija tagħti għat-tkabbir ekonomiku tal-Gżejjer.

Nhar is-Sibt li ġej, se nkunu qed inħabbru r-riżultati finanzjarji tagħna għas-sena li ntemmet f’Marzu 2018. Dawn ir-riżultati juru xejra pożittiva u titjib wara bosta snin. Madakollu, biex inkun ċar; għadna ma nistgħux inserrħu rasna. Kull impjegat fi ħdan il-Kumpanija jrid jibqa’ ffukat biex il-Linja tal-Ajru żżomm id-direzzjoni tagħha fi triqitha lejn tkabbir sostenibbli u lejn il-profittabbiltà.

Il-Linja tal-Ajru qed topera f’industrija kompetittiva ħafna. Matul din l-aħħar sena u nofs, ħdimna ħafna biex inniedu rotot ġodda u biex inżidu l-għadd ta’ ajruplani. Nedejna 21 rotta ġdida, inklużi xi servizzi Intra-Ewropej. Il-maġġoranza assoluta tar-rotot, li ġew introdotti s-sajf li għadda, ġew estiżi għax-xitwa u huma inklużi wkoll f’dan is-sajf. 

Madankollu, m’aħniex qed niffukaw biss fuq li nżidu r-rotot u l-għadd ta’ passiġġieri. Qed naħdmu ħafna wkoll biex intejbu l-fokus tagħna fuq il-passiġġier.

Biex nagħmlu dan, nedejna struttura ta’ prezzijiet ġodda fi ħdan il-klassi Economy, biex b’hekk il-klijenti jkollhom il-possibbiltà li joħolqu l-esperjenza tal-ivvjaġġar personali tagħhom. Tejjibna ukoll l-għażla fuq il-menu abbord fil-klassi Economy. Mix-xahar id-dieħel, fuq it-titjiriet tagħna se jkun disponibbli servizz komprensiv fil-klassi Business li jinkludi menu gourmet ġdid. Dan is-servizz jiffoka fuq l-attenzjoni għad-dettal, u jonora l-patrimonju tagħna permezz ta’ disinn tradizzjonali u settijiet tal-ikel taċ-ċeramika b’tema Maltija.

Għaldaqstant, l-iffukar fuq il-klijent qed isir parti integrali mill-operat tagħna fil-livelli kollha.

Esperjenza tal-ivvjaġġar eċċellenti trid tkun imsejsa wkoll fuq infrastruttura tal-IT solida li tiffaċilita l-operat u titjiriet fil-ħin. F’dan ir-rigward, aħna qed ninvestu bil-qawwa fl-IT u qed intejbu l-iskedar, ir-rostering u l-esperjenza tal-passiġġieri tagħna permezz taċ-Ċentru l-ġdid tagħna tal-Operat, li se jkun qiegħed jiffunzjona kompletament fil-ġimgħat li ġejjin. Dan iċ-ċentru se jospita ħames dipartimenti fil-qasam tal-operat u għadd ta’ sezzjonijiet ta’ sostenn li se jikkontrollaw aktar minn 18,000 titjira li l-Linja tal-Ajru tħaddem kull sena.

Aħna implimentajna is-sistema Salesforce bħala l-pjattaforma tagħna għall-Ġestjoni tar-Relazzjoni mal-Klijenti, u użajna din is-sistema biex nintegrawha mal-għodda ta’ prenotazzjoni tagħna, Sabre. Waħda mill-kisbiet ewlenin tal-investiment tagħna fl-IT kienet l-integrazzjoni tas-sistema ta’ prenotazzjoni tagħna ma’ Ryanair, sabiex 21 rotta tal-Air Malta jistgħu jinbigħu fuq is-sit ta’ l-Internet tagħhom. Biex inkomplu ntejbu l-affidabbiltà operazzjonali tagħna, investejna fl-applikazzjoni tal-ippjanar tat-titjiriet Lido ta’ Lufthansa Systems, li hija tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, kif ukoll f’Net Line Ops ++. Dawn is-sistemi tniedu f’perjodu ta’ żmien rekord ta’ sitt xhur u jagħmlu parti mill-investiment tal-IT ta’ EUR 4 miljun li bbaġitjajna għat-tliet snin li ġejjin.

Biex inkomplu ntejbu l-esperjenza tal-klijenti, dan is-sajf se nilqgħu żewġ Airbus A320NEOs ġodda fi ħdan il-flotta tagħna, li se joffru aktar kumdità lill-klijenti tagħna. L-Air Malta fasslet pjan ta’ ħames snin għall-flotta, li matulu l-ajruplani eżistenti kollha se jiġu sostitwiti minn A320 NEOs ġodda fjamanti.

L-Air Malta żiedet il-konnettività tagħha mill-Ewropa għall-Afrika ta’ Fuq, u stabbiliet il-viżjoni tagħna biex insiru “Il-Linja tal-Ajru tal-Mediterran”. Is-sitwazzjoni fil-Libja qed tiġi mmonitorjata mill-qrib ukoll, u l-pjanijiet biex jitkomplew it-titjiriet se jkunu suġġetti għal valutazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà mill-korpi kompetenti.

L-ivvjaġġar huwa industrija li qed tikber, iżda se jibqa’ sensittiv ħafna għall-prezzijiet filwaqt li l-ispejjeż jiżdiedu kull sena. Huwa essenzjali li nżommu l-aġilità tagħna, li nagħmlu aġġustamenti għall-bidla, li nimplimentaw l-innovazzjoni, u li nirristrutturaw b’mod olistiku. Dan jinvolvi wkoll bidla fil-mentalità fi ħdan il-kumpanija. Aħna nemmnu li l-ispejjeż unitarji konvenzjonali għall-Air Malta għandhom il-potenzjal li jsiru ċentri ta’ dħul għall-kumpanija. Barra minn hekk, biex nilqgħu għall-kompetittività tal-prezz tal-biljett tal-ivvjaġġar, jeħtieġ li nsaħħu l-bejgħ u d-dħul anċillari tagħna, intejbu l-‘yields’, u fl-istess ħin insaħħu u ntejbu l-proċessi ta’ ġestjoni tal-ispejjeż.

Ix-xahar id-dieħel, il-Linja tal-Ajru Nazzjonali se tibda l-45 sena tagħha minn meta bdiet topera. L-Air Malta kienet strumentali fl-iżvilupp tal-Industrija tat-Turiżmu f’Malta, u dejjem kienet fuq quddiem nett fil-promozzjoni tal-ivvjaġġar fost il-Maltin u l-Għawdxin. Dan huwa mument storiku għal-Linja tal-Ajru Nazzjonali, u vjaġġ li ma kienx nieqes mis-suċċess bis-saħħa tal-impenn u l-lealtà tal-impjegati fil-passat u fil-preżent.

Flimkien mal-Kap Eżekuttiv tagħna u l-Bord tad-Diretturi, taħt id-direzzjoni tal-Ministru tat-Turiżmu, se nkunu qed nittrasformaw lill-Air Malta u nsaħħu n-netwerk tar-rotot attwali.

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-Prim Ministru u lill-Ministru Mizzi għall-appoġġ kontinwu tagħhom, kif ukoll lill-bord tad-diretturi u lill-maniġment, flimkien mal-impjegati kollha tagħna li ħaddnu l-istrateġija ta’ tkabbir tagħna u li qed jaħdmu mingħajr waqfien biex jiżguraw futur ta’ suċċess lil-Linja tal-Ajru.

Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-aġenti tal-ivvjaġġar kollha għall-appoġġ u l-isforz kontinwu tagħkom, u nistennew bil-ħerqa biex inkomplu naħdmu flimkien biex niksbu riżultati saħansitra aqwa fil-futur qarib. Fl-aħħar nett, nirringrazzjaw lill-klijenti leali tagħna li jkomplu jappoġġaw lill-Air Malta u li mingħajr il-lealtà u l-appoġġ tagħhom ma nkunux ninsabu hawnhekk illum.

Nirringrazzja lill-MFCC talli organizzaw din il-fiera, kif ukoll lill-esibituri kollha għall-parteċipazzjoni tagħhom. Nixtiqilhom kull suċċess f’din l-edizzjoni ta’ AMITEX.

Grazzi

Dr Charles Mangion

Chairman tal-Air Malta plc

1