L-Air Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala l-operatur ewlieni bejn l-Italja u Malta u tniedi servizzi ġodda lejn Palermo dan is-sajf

April 8, 2016

Data: Il-Ġimgħa, 8 t’ April 2016
Ref: 028-2016 MT

Mill-4 ta’ Lulju l-Air Malta sejra tibda servizzi skedati bejn Malta u Palermo. Dawn it-titjiriet sejrin joperaw flimkien mat-13-il titjira fil-ġimgħa li diġà tagħmel bejn Malta u Katanja/Sqallija u jsaħħu l-pożizzjoni tal-linja tal-ajru bħala l-operatur ewlieni bejn l-Italja u Malta. L-Air Malta tagħti l-aqwa għażla għall-vjaġġaturi li ġejjin mill-Italja u minn Malta b’34 titjira fil-ġimgħa u l-ikbar numru ta’ frekwenzi għal kull destinazzjoni meta mqabbla ma’ kwalunkwe operatur ieħor.  

“Din hija aħbar tajba oħra għall-konsumaturi,” qalet Ursula Silling, l-Uffiċjal Kap Kummerċjali tal-Air Malta. “Ninsabu kuntentissimi li qegħdin inniedu titjiriet ġodda lejn/mill-ajruport Falcone-Borsellino ta’ Palermo għaliex, b’hekk, sejrin inkunu qegħdin noffru 15-il titjira fil-ġimgħa bejn Sqallija u Malta. Bi storja ta’ iktar minn 2,700 sena, il-belt kapitali ta’ Sqallija għandha ħafna x’toffri”, kompliet Silling.

Il-Linja tal-Ajru Nazzjonali Maltija sejra topera żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn/minn Palermo kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis u sejra żżomm ir-rotta matul ix-xitwa. 

“It-titjiriet il-ġodda tagħna sejrin joffru ħolqa bejn Malta u n-naħa tal-Punent ta’ Sqallija. Palermo hija l-belt kapitali kulturali, politika u turistika tal-gżira u qegħdin nistennew li sejrin inġorru madwar 20,000 passiġġier fl-ewwel sena. Bħala parti mit-titjib kontinwu li nagħmlu fl-iskeda tagħna, biddilna wħud mill-ħinijiet tat-titjiriet tagħna minn Katanja sabiex noffru konnettività aħjar mas-servizzi tagħna lejn ibliet Ewropej ewlenin. Dawn l-inizjattivi huma mistennijin li jżidu l-opportunitajiet kummerċjali bejn iż-żewġ gżejjer, kompliet Silling.

Palermo hija l-ikbar belt fi Sqallija, b’taħlita storika bejn il-kultura tal-Punent u l-kultura Għarbija u l-bażi perfetta li minnha wieħed jista’ jiskopri r-reġjun. Hija magħrufa għall-kultura, l-arkitettura u l-gastronomija mogħnija tagħha. Palermo hija waħda mid-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin fl-Italja, u tiġbed it-turisti bis-saħħa tal-binjiet Rumani, Gotiċi u Barokki tagħha. 

Il-villaġġ medjevali storiku ferm qadim tagħha huwa tassew popolari fost it-turisti, inkluża l-Cappella Palatina, kappella żgħira moħbija fil-Palazzo dei Normanni. Dan il-palazz huwa magħruf għar-rikkezzi tiegħu ta’ możajki mill-isbaħ li jżejnu l-ħitan interni tiegħu. Huma popolari wkoll il-misraħ rinomat tal-belt ta’ Quattro Canti kif ukoll il-kappella żgħira ta’ San Cataldo, li għandha tliet koppli żgħar u skritturi Għarbin fuq il-kolonni tagħha. Din tħares fuq il-funtana popolari ta’ Palermo msejħa l-“Funtana tal-Mistħija”.  Ftit barra Palermo hemm il-Katidral ta’ Monreal, wieħed mill-isbaħ binjiet fi Sqallija, li l-ħitan interni tiegħu jiddu bil-możajki Biżantini indurati bid-deheb filwaqt li l-kolonni tal-kjostru tiegħu huma mdawrin b’żigużajgi vividi b’intars Moresk. 

Is-saħħa ta’ Palermo tinsab fil-ġmiel u ċ-ċiviltà tagħha, li huma riflessi fis-swieq lokali u l-bajjiet uniċi b’ilma kristallin u meded ta’ ramel. 

Għal min jippreferi jqatta’ l-ħin jixtri, ta’ min iżur it-toroq haute couture ta’ Via Maqueda, Via Ruggero Settimo u Via della Liberta.  Għal dawk li jippreferu jsibu l-aqwa prezz u s-snajja’ tradizzjonali, prodotti tal-fuħħar, il-ferrobattut u l-injam imnaqqax, huwa rakkomandat li jżuru l-ħwienet f’ Via Bara, Via Orologia u Vittorio Emanuele. 

Kemm jekk fit-trejqiet sekondarji jew inkella fit-toroq prinċipali wisgħin, hemm ħafna postijiet fejn wieħed jista’ jieqaf inaqqar brunġiel moqli jew pizza mimlija ppreparati mill-bejjiegħa fuq il-post.  Għal dawk li għandhom iktar ħin, ta’ min jieqaf waqfa f’ristoranti iktar formali sabiex iduq il-kċina eċċellenti ta’ Sqallija. 

L-iskeda tat-titjiriet sejra topera kif ġej: 

It-Tnejn
tluq Malta 1315hrs wsl Palermo 1415hrs
tluq Palermo 1505hrs wsl Malta 1555hrs

Il-Ħamis
tluq Malta 1950hrs wsl Palermo 2050hrs
tluq Palermo 2140hrs wsl Malta 2230hrs

Tista’ tikseb iktar tagħrif minn fuq www.airmalta.com, billi ċċempel liċ-Ċentru ta’ Assistenza tal-Air Malta fuq +356 21662211, mill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew mill-Aġenti tal-Ivvjaġġar f’Malta jew l-Italja. 


-tmiem-




 

1