L-Aqwa Post għall-Pastizzi

30 Jannar 2013

Pastizzi

X'deċiżjoni iebsa dik! Mill-għażliet diffiċli kollha li kelli nagħmel f'ħajti: bejn li nibqa' ngħix fl-Ingilterra jew inkella li nerħilha lejn Malta, bejn karriera onesta jew ħajja ta' kriminalità (OK, l-aħħar waħda kienet għażla faċli: lanqas jien kapaċi nobrom gallettina u ndaħħalha nkiss inkiss fis-sodda mingħajr ma nħalli traċċi ta' frak); din ċertament hija l-aktar waħda diffiċli. Minn fejn naqbad nibda?

L-ewwelnett, għal dawk li qatt ma żaru dawn il-gżejjer u allura qatt ma daqu l-pastizzi, ser nispjega x'inhuma dawn il-ġojjelli delizzjużi tal-kċina Maltija.

Immaġina l-aktar għaġina delikata u tqarmeċ li qatt doqt f'ħajtek. L-għaġina tal-pastizzi titfarrak meta tigdimha u ddub f'ħalqek meta tibda tomgħodha. Inkiteb ħafna dwar din ir-riċetta leġġendarja magħmula mill-għaġina, tant li ħafna qabbluha mal-filo Griega jew mal-puff delikata Franċiża, iżda għaġina tajba tal-pastizzi hija unika u differenti mit-tnejn u simili għalihom fl-istess ħin. OK, tixbah xi ftit l-għaġina filo, iżda tqarmeċ ħafna aktar u hija aktar rikka.

Il-pastizzi jkunu mimlijin b'piżelli mnixxfin u mgħaffġin jew bl-irkotta. Il-mili jrid ikun jaħraq – b'tali mod li lsienek jinġibed lura involontarjament f'agunija totali u mbagħad jerġa' lura f'postu sabiex ikompli jassorbi t-tortura delizzjuża.

Minħabba li huma daqstant delizzjużi u rħas (30 ċenteżmu kull wieħed!), il-pastizzi jittieklu fi kwalunkwe okkażjoni u ħin tal-ġurnata. Għandek bżonn kollazzjon ta' malajr? Pastizzi u belgħa tè. Ftit qabel nofsinhar? Pastizzi. Ikla ħafifa f'nofsinhar? Filgħaxija? Pastizzi. Il-pastizzi huma parti mill-identità Maltija daqskemm huma l-attendenza fil-knejjes u l-votazzjoni fl-elezzjonijiet ġenerali. Għaldaqstant, f'Malta ssib pastizzerija (ħanut tal-pastizzi) kważi f'kull kantuniera, xi ħaġa ta' tentazzjoni wisq għat-togħmiet u l-gosti tiegħi u xokk għal qaddi!

Għalhekk, f'isem ir-riċerka, minkejja li kemmxejn diffiċli, kilt il-pastizzi mill-maġġoranza vasta tal-pastizzeriji f'Malta sabiex inkun nista' nippreżentalkom il-klassifikazzjoni xjentifika tiegħi tal-pastizzi Maltin (qiegħed nistenna li din ir-riċerka tiġi ppubblikata, iżda l-Università ta' Malta qiegħda tirrifjuta li twieġeb it-talbiet tiegħi!).

Il-Midalja tad-Deheb: Crystal Palace, li jinsab ftit 'il barra mill-Imdina. Dan huwa l-ħanut tal-pastizzi favorit tiegħi. Huwa ħanut tat-tè tipiku Malti li jservi l-verżjoni lokali tat-tè (servut f'tazza b'ħafna ħalib) lil klijentela kważi esklussiva ta' rġiel - irġiel ixxurtjati jkolli ngħid, minħabba li dawn ikollhom iċ-ċans jieklu dawn il-pastizzi delizzjużi waqt li joqogħdu jaqraw il-ġurnali lokali. Il-pastizzi tal-Crystal Palace jitfarrku aktar milli jqarmċu, waqt li l-mili huwa pjuttost ġeneruż. Il-varjetà tal-piżelli hija delizzjuża u rikka, iżda jien għandi xi ħaġa speċjali għall-piżelli, allura nista' ngħid li jien kemmxejn ippreġudikat f'dak ir-rigward. Ixtrihom u kulhom waqt li jkunu għadhom jaħarqu – dan huwa kruċjali, għaliex ma hemm xejn agħar minn pastizzi kesħin jew imsaħħnin mill-ġdid; iżda minn dan il-post, din żgur mhijiex u ma tistax tkun problema, għaliex il-pastizzi hawnhekk jinbiegħu jaħarqu nar direttament mit-turtiera jew inkella jkunu diġà telqu! Il-pastizzi tal-Crystal Palace jinħatfu mill-ewwel.

Il-Midalja tal-Fidda: Il-Maxims tal-Gżira. Kuntrarju għall-Crystal Palace li għadni kif tkellimt dwaru hawn fuq, dan huwa ħanut tal-pastizzi u mhux ħanut tat-tè u, għalhekk, joffri varjetà akbar ta' ikel. Tista' tixtri l-pizza bil-porzjon (delizzjuża), zalzett imgeżwer bl-għaġina (delizzjuż), torti tal-laħam (delizzjużi...qiegħed taqbad xi rrid ngħid?) u kull tip ta' tjubija żejtnija. Iżda hawnhekk qegħdin nitkellmu dwar il-pastizzi u dan il-post jagħmilhom tajbin ħafna u fi kwantitajiet enormi wkoll.

Irnexxieli niftaħlek l-aptit? Le? Mela allura inti persuna aħjar minni - jien ser nerħilha lejn il-Maxim's għal xi ħaġa ħafifa qabel norqod - it-tlegħib fuq it-tastiera tiegħi qiegħed jixxortjali l-laptop! Din issa tista' titqies uffiċjalment bħala kwistjoni ta' sigurtà.



 


Top Blog Posts

More posts by this author

Username meħtieġ... 
Password meħtieġa... 
Detallji tal-login invalidi... 
Il-login bil-Facebook ma ħadimx. M'hemm ebda kont tal-Facebook irreġistrat b'dan l-email.  
LOGIN 
LOGOUT 
Email meħtieġ... 
ISSOTTOMETTI
Ibdel il-password. 
Kont mhux validu... 
Email Mibgħuta! 
Email b'talba biex tinbidel il-password intbagħtet fuq l-email tiegħek. Malli tirċeviha, ikklikkja fuq il-link mibgħuta sabiex tkun tista' tbiddel il-password tiegħek.
Abbona man-newsletter tagħna
Ċert li trid tneħħi l-abbonament?
Merħba
Tajjeb li qed nerġgħu narawk
lejn
minn
Ibbukkja Issa
Bagalja inklużi b'xejn
We have placed cookies on your device to ensure you get the best experience on our website.
Got it!