
Il-Belt Valletta u l-istorja tagħha
L-ewwel ġebla ta' dan il-kapolavur tal-era Barokka tqiegħdet mill-Granmastru tal-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm,
Jean Parisot de la Valette, fuq il-peniżola Xiberras fl-1566. Il-belt kienet maħsuba biex issaħħaħ l-infrastruttura ta' difiża militari tal-ordni wara r-rebħa mdemmija fuq l-attakki tal-Ottomani matul l-assedju tal-1565.
Il-viżjoni ta' La Valette marret 'lil hinn minn sempliċi fortifikazzjoni. Huwa kellu f'moħħu li l-belt tkun ċentru Ewropew mill-aqwa ta' kultura u kummerċ u, għalkemm huwa miet ftit qabel it-tlestija tagħha, il-belt Valletta għaddiet biex isservi bħala l-belt kapitali sal-lum il-ġurnata, ħafna wara t-tluq tal-Kavallieri fl-1798, meta Napuljun ħataf il-gżira taħt idejh.
Il-belt ġiet iddisinjata mill-arkitett rinomat Taljan Francesco Laparelli, li kien assistent ta' Michaelangelo. Il-kompitu inizjali ta' Laparelli, li ntbagħat mill-Papa Piju V, li wkoll iffinanzja parti mill-kostruzzjoni, kien li jistħarreġ u jħejji rapport dwar l-istat tal-fortifikazzjonijiet attwali tal-gżira wara l-assedju. Ir-rapport tiegħu kien jinkludi rakkomandazzjoni li, minflok jerġgħu jinbnew il-fortifikazzjonijiet eżistenti f'partijiet oħrajn tal-gżira, kien ikun ferm aktar ekonomiku u prattiku li tinbena belt iffortifikata ġdida fuq il-peniżola Xiberras.
Bil-għan li jassiguraw il-finanzjament għal din il-biċċa xogħol enormi, il-Kavallieri għamlu talba lill-qrati Ewropej għal finanzjament. Wara d-difiża erojka u mfaħħra tal-gżejjer minnhom, il-finanzjament seta' jinkiseb faċilment. Għall-bqija tal-Ewropa Kristjana, Malta ffortifikata kif suppost kienet tabilħaqq tfisser ilqugħ ieħor ta' difiża li jsaħħaħ u jħares lill-Punent mill-Ottomani.
Id-disinn ta' Laparelli kien jirrappreżenta tluq sinjifikanti mill-istruttura tradizzjonali ta' belt medjevali. L-għażla tiegħu waqgħet fuq disinn ibbażat fuq gradilja. Is-sistema ta' gradilja pprovdiet ventilazzjoni ġeneruża u żiffa tal-baħar sabiħa lill-belt, li jagħmlu l-ħajja aktar tollerabbli għall-abitanti. Il-belt kellha wkoll ċerti karatteristiċi interessanti, inklużi turġien usa' sabiex jakkomodaw lill-kavallieri u l-korazzi kbar tagħhom.
L-arkitett Malti Ġlormu Cassar qabad id-disinn ta' Laparelli, li kien jinkludi l-fortifikazzjonijiet esterni u s-sistema ta' gradilja li fuqha kienet ser tkun ibbażata l-belt, u kompla bil-kostruzzjoni tal-belt, billi kkonċentra fuq il-binjiet. Wara żjara qasira fl-Italja, Cassar bena għadd ta' binjiet notevoli, inklużi Bereġ għal kull waħda mil-Lingwi tal-ordni. Simili ħafna għall-ambaxxati, il-Bereġ issemmew wara l-Lingwi jew in-nazzjonalitajiet differenti li jsawru l-Ordni u servew bħala dar 'il bogħod mid-dar.