
Il-Golf f'Malta
Bil-klima moderata tagħha, Malta hija eċċellenti għal dawk li jħobbu l-golf, kemm id-dilettanti kif ukoll dawk li jilagħbuh b'mod professjonali. Il-gżira għandha x-xorti li tgawdi mir-raġġi sħan tax-xemx is-sena kollha u li ma tarax borra, silġ, ċpar jew tipi oħrajn ta' maltemp. L-aktar l-aktar, matul ix-xitwa ġieli tagħmel ix-xita, iżda anki dawn il-waqtiet x'aktarx li aktar ikunu ħalbiet qosra milli xita qawwija li tħalli l-ħaxix mifqugħ u lil dawk li jħobbu l-logħba tal-golf bix-xenqa!
Il-gżira għandha storja twila u rjali tal-logħob tal-golf. Ir-Royal Malta Golf Club (RMGC) isemmi lid-Duka ta' Edinburgh bħala wieħed mill-membri fundaturi tiegħu lejn l-aħħar tal-perjodu 1800. L-isport sab saqajh u beda jintlagħab kif suppost fil-bidu tas-seklu 20 meta l-RMGC iċċaqlaq għal fejn jinsab illum, jiġifieri fil-grawnds sportivi tal-Marsa.
Filwaqt li bħalissa Malta għandha biss korsa waħda, il-Korsa tal-Golf fil-Marsa hija post eċċellenti biex tqatta' btala qasira ta' logħob tal-golf. Il-korsa bi tmintax-il toqba hija ideali kemm għal dawk li għadhom jibdew, kif ukoll toffri sfida adegwata għal dawk li għandhom aktar esperjenza fil-logħba. Dawk li jilagħbu b'mod regolari jaqbillhom jissieħbu bħala membri fil-klabb, sabiex b'hekk ikollhom aċċess għall-korsa u għall-faċilitajiet tal-klabb. Barra minn hekk, wieħed jista' jikri wkoll l-apparat meħtieġ għal din il-logħba, inklużi l-istikek, il-carts u l-blalen.
L-RMGC jorganizza għadd ta' kompetizzjonijiet matul is-sena, inklużi kompetizzjonijiet mifruxin fuq tmiem il-ġimgħa, kompetizzjonijiet għan-nisa u kompetizzjonijiet għaż-żgħar.