
Xarbiet lokali
Aħna poplu li nixorbu ħafna - bir-raġun meta wieħed iqis li s-sajf f'Malta jaf jilħaq temperaturi ta' 40°C. Għalhekk, mhux ta' b'xejn li l-Maltin ħolqu xarbiet uniċi biex jaqtgħu l-għatx kollettiv tagħhom! Bħad-deżerti tagħna, ix-xarbiet lokali jistgħu jiġu mħawrin b'ċerti ingredjenti interessanti, inkluż iċ-ċitru, il-ġulepp, il-lewż, l-imsiemer tal-qronfol, iż-żerriegħa tal-ħlewwa u l-ilma tal-ward.
Għal xi Maltin, ġurnata ħdejn il-baħar mingħajr daqsxejn ħobż biż-żejt (ħobż tal-Malti midluk bit-tadam u ż-żejt taż-żebbuġa) u tazza ruġġata kiesħa silġ titqies kważi bħala dagħwa. Ir-ruġġata hija taħlita ta' lewż, vanilla u, f'xi okkażjonijiet rari, imsiemer tal-qronfol. Hija simili għax-xarba Taljana magħrufa bħala latte di mandorla (ħalib tal-lewż). Filwaqt li ma tintgħoġobx minn kulħadd, tista' tkun xarba rinfreskanti u delizzjuża immens, sakemm iżżomm 'il bogħod mill-fliexken bil-ġulepp lest kemm jitħallat mal-ilma.
Il-
Kinnie hija xarba mhux alkoħolika kkarbonizzata li tiġi prodotta f'Malta. It-togħma unika tagħha ġejja minn lista ta' ingredjenti li aktar kienu komuni fuq xi tikketta tal-mediċina fis-seklu tmintax: ħxejjex aromatiċi, ħlewwa, ġinseng… iżda l-ingredjent prinċipali tagħha huwa l-larinġ morr – li jagħtiha togħma rinfreskanti. Ix-xarba tiġi esportata lejn numru ta' pajjiżi differenti u hija partikolarment popolari mal-emigranti Maltin, li jkunu qegħdin ifittxu togħma li tfakkarhom fl-iljieli sħan u rilassanti tas-sajf lura f'art twelidhom. Il-
Kinnie hija wkoll xarba ideali biex tħallatha mal-alkoħol - ipprovaha mal-Gin jew f'Negroni.
Filwaqt li l-espresso u l-cappuccino qabdu ħafna u saru jiġu ordnati ta' spiss (Malta għadha ma waqgħetx vittma tal-Frappuccino u l-Caramel Macchiato), xorta għad hemm xi wħud li baqgħu jaħilfu bil-Kafè tradizzjonali Malti – simili għal dak li nsibu fl-Afrika ta' Fuq, il-kafè tradizzjonali Malti jiġi servut f'kikkra żgħira, huwa qawwi u aromatiku ħafna u normalment jiġi mħawwar bl-imsiemer tal-qronfol u l-ilma tal-ward. Meta jkun qiegħed jissajjar, dan ġeneralment jinxtamm minn diversi toroq bogħod, iżda t-togħma hija waħda mill-aktar delizzjuża.
Il-birrerija prinċipali ta' Malta -
Simonds Farsons Cisk plc - tipproduċi l-aktar lager popolari li tiġi kkonsmata lokalment – iċ-
Cisk. Din il-lager iffermentata fil-qiegħ għandu jipprovaha kull min irid jesperjenza dak kollu li huwa lokali. Hija tintiegħem l-aħjar f'wieħed mill-ħafna ħwienet tax-xorb li nsibu fl-irħula Maltin, fejn tiġi servuta flimkien ma' plattini ta'
stuffat tal-kirxa u
bebbux – jew inkella tista' teħodha ma' borża karawett!
Għal nazzjon b'popolazzjoni ta' 450,000 ruħ biss, għandna kultura b'saħħitha u vibranti ta' produzzjoni tal-inbid. L-inbejjed Maltin huma abbundanti fir-ristoranti u s-supermarkets. Għal togħma Maltija unika, ipprova wieħed magħmul mill-għenba Ġellewza (ħamra) jew Girgentina (bajda), li huma indiġeni għal Malta.
Hemm ukoll numru ta' likuri li jiġu distillati lokalment, inkluż wieħed li huwa magħmul mill-bajtar tax-xewk (
Opuntia ficus-indica) – dan huwa likur ħelu ħafna b'togħma unika. Likur ieħor li kiseb popolarità dan l-aħħar huwa l-
Limunċell – verżjoni Maltija tal-
Limoncello Taljan, li jsir minn fost l-aktar lumi bnin li nsibu fil-Mediterran. Huwa mod perfett kif tispiċċa ikla delizzjuża.
.