
Dusseldorf
Bħall-kuġina l-kbira tagħha Frankfurt, Düsseldorf hija metropoli bieżla li tospita bosta industriji importanti, fosthom fieri kummerċjali, reklamar, moda u telekomunikazzjonijiet. Iżda għal darba oħra, minkejja s-suċċessi kbar tagħha, din il-belt tibqa' tiġi ripetutament imfaħħra bħala wieħed mill-aħjar postijiet biex tgħix fid-dinja.
Düsseldorf żgur mhijiex nieqsa mill-attivitajiet. Għal dawk li jħobbu x-xiri, Düsseldorf toffri Königsallee, triq wiesgħa bis-siġar fuq iż-żewġt iġnub tagħha u kanal fejn wieħed jista' jsib ħwienet tal-aħħar moda u opportunitajiet oħrajn ta' xiri. Schloss
Benrath huwa palazz mibni fis-seklu 18 fl-istil Rokokò u l-ġonna tal-madwar.
Il-palazz jinkludi wkoll tliet mużewijiet. Il-Belt il-Qadima jew Altstadt hija post meraviljuż biex idduq ix-xarba favorita ta' Düsseldorf – l-Altbier – birra fi stil aktar antik, iffermentata f'temperaturi għoljin. F'Altstadt issib ukoll aktar minn 300 ħanut tax-xorb ta' diversi stili u baġits għall-gosti ta' kulħadd.
Düsseldorf hija importanti ħafna wkoll fix-xena tal-arti. Il-belt hija magħrufa ħafna għad-diversi galleriji tal-arti tagħha, għall-esebizzjonijiet avangardisti, kif ukoll għall-arti iżjed klassika, fosthom id-Deutsche Oper am Rhein – kumpanija tal-opra u l-ballet li ttella' x-xogħlijiet tagħha fit-Teatru tal-Opra ta' Düsseldorf.
Il-bosta parks u ġonna f'Düsseldorf joffru lill-vjaġġaturi għajjiena waqfa ta' mistrieħ mill-għeja taż-żjarat f'bosta postijiet. Il-ġnien Botaniku ta' Düsseldorf fih aktar minn 6000 speċi, kemm fuq barra kif ukoll fis-serer. Iżda huwa jinkludi wkoll pajsaġġi kbar ideali għar-rilassament.