Titjiriet li jintilfu, li jkollhom dewmien jew li jitħassru
F'każijiet meta mhux kollox jimxi skont il-pjan u inti tispiċċa titlef it-titjira tiegħek, aħna rridu nagħmluhielek kemm jista' jkun faċli sabiex issib is-sostenn li jkollok bżonn. Hawn taħt ser issib struzzjonijiet speċifiċi dwar x'għandek tagħmel meta ssib ruħek f'sitwazzjoni bħal din.
Jekk titlef it-titjira tiegħek: Filwaqt li nifhmu li xi drabi ċerti ċirkostanzi jistgħu jwasslu sabiex tkun tard għat-titjira tiegħek, jekk jiġri dan, inti ser ikollok bżonn prenotazzjoni ġdida. Għandek dejjem tiċċekkja l-ħinijiet tal-għeluq għaċ-check-in mal-Air Malta, minħabba li mbagħad ma tkunx tista' tagħmel iċ-check-in wara dan il-ħin.
Jekk trid tikkanċella t-titjira tiegħek: Jekk taħseb li mhux ser tilħaq tasal l-ajruport fil-ħin, inti tista' tikkanċella l-prenotazzjoni tiegħek jew tbiddel id-data sa jum qabel it-tluq billi tikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Bejgħ tal-Air Malta fil-pajjiż fejn tkun tinsab u/jew liċ-Ċentru Telefoniku Internazzjonali.
Jekk diġà jkun inħareġ biljett, aħna napplikaw ħlas għall-kanċellazzjoni jew għall-prenotazzjoni mill-ġdid, skont kif ikun il-każ. L-ammont ta' ħlas effettiv jiddependi fuq in-noll li tkun ħallast.
Ftakar li sakemm ma tkunx ibbukkjajt it-titjira lura separatament, din titqies bħala parti mill-istess vjaġġ. Kun ċert li tuża t-titjira ta' ritorn tiegħek jew tinfurmana minn qabel jekk ikollok bżonn tikkanċella jew tbiddel il-prenotazzjoni tiegħek.
Rifużjonijiet u Kategoriji tal-Ivvjaġġar: Sfortunatament, bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-kategoriji tal-ivvjaġġar, aħna ma nistgħux noffrulek rifużjoni jew prenotazzjoni ġdida b'xejn jekk ikollok biljett Saver. Jekk ikollok il-kopertura t-tajba u tkun tlift it-titjira minħabba raġunjiet leġittimi, bħal kwistjonijiet mediċi, il-fornitur tal-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar jista' jkopri l-ispiża tat-titjira li tintilef. Biljett Flexi jagħtik aktar flessibbiltà biex tikkanċella jew tbiddel il-prenotazzjoni tiegħek u sabiex tkun tista' tingħata rifużjoni tat-taxxa. Inti għandek tiċċekkja l-kundizzjonijiet eżatti fuq il-biljett tiegħek sabiex tara jekk dan huwiex possibbli. Aqra aktar dwar il-kategoriji tal-ivvjaġġar.
Titjiriet Imdewma jew Mibdula: Bħal fil-każ ta' kull kumpanija tal-ajru oħra, perċentwal żgħir mit-titjiriet tagħna jiffaċċjaw diffikultajiet tekniċi jew problemi oħrajn li se jwasslu għal dewmien fit-tluq jew għal tibdil fir-rotta. Jekk jiġri dan, aħna ser inċemplulek biex navżawk kif xieraq u nipprovdulek alternattiva. Għandek taqra wkoll l-avviż ta' dewmien biex tiċċekkja x'sostenn u rifużjonijiet inti intitolat għalihom.
Titjiriet Ikkanċellati: Aħna kburin bil-kapaċità tagħna li nwassluk fejn tixtieq tmur fil-ħin u b'mod komdu. Madankollu, f'każ rari ta' titjira kkanċellata li ma jkollok l-ebda kontroll fuqha, inti għandek tikkonsulta l-avviż ta' kanċellazzjoni tagħna biex tiċċekkja għal xhiex inti intitolat.
Jekk titlef titjira ta' konnessjoni: Jekk titjira mdewma twasslek biex titlef titjira ta' konnessjoni ma' linja tal-ajru oħra, għandha tingħatalek rotta alternattiva għad-destinazzjoni finali tiegħek. Madankollu, jekk l-itinerarju tiegħek ikun maqsum f'biljetti separati, aħna responsabbli biss għall-vjaġġ sad-destinazzjoni fuq il-biljett tiegħek.
Jekk it-titjira jkollha prenotazzjonijiet żejda: Bħal kull kumpanija tal-ajru ewlenija oħra, kull titjira li noperaw ser ikollha numru ta' passiġġieri li jonqsu milli jippreżentaw ruħhom biex jużaw il-biljett tagħhom. Skont il-prattika standard internazzjonali, f'tentattiv biex in-numru ta' siġġijiet ikun jaqbel mal-passiġġieri li jkunu effettivament preżenti, aħna nieħdu ftit aktar prenotazzjonijiet għal kull titjira milli suppost nieħdu. B'riżultat ta' dan, porzjon żgħir mit-titjiriet tagħna jaf ikollhom prenotazzjonijiet żejda.
Jiddispjaċina għall-inkonvenjent li dan jikkawża lill-passiġġieri leali tagħna u aħna lesti li nimpenjaw ruħna kemm jista' jkun sabiex ngħinuk f'każ li tiltaqa' ma' tali sitwazzjoni. Il-membri tal-persunal tal-immaniġġjar tal-passiġġieri fl-ajruport ser ikunu lesti sabiex jagħtuk l-assistenza meħtieġa. Għal aktar informazzjoni dwar sitwazzjoni fejn ikun hemm prenotazzjonijiet żejda, jekk jogħġbok aqra l-avviż tagħna dwar kumpens għal imbarkazzjoni miċħuda.