Bagalji li jġarrbu ħsara, jaslu tard jew jintilfu
Jekk waħda mill-bagalji rreġistrati tiegħek tintilef jew iġġarrab xi ħsara fl-ajruport tad-destinazzjoni tiegħek, jekk jogħġbok irrapporta lil membru tal-persunal jew lir-rappreżentant tal-Air Malta minnufih. Kwalunkwe talba għandha tiġi sottomessa bil-miktub fi żmien sebat ijiem. Billi r-responsabbiltà tat-trasportaturi għat-telf, għad-dewmien jew għall-ħsara fil-bagalji hija limitata; il-passiġġieri huma mħeġġa sabiex jagħmlu assigurazzjoni tal-ivvjaġġar privata. It-talbiet kollha huma soġġetti għall-preżentazzjoni ta' prova li tkun iġġarbet ħsara.
L-impenn tagħna: Aħna nagħmlu ħilitna biex nintraċċaw kwalunkwe bagalja mitlufa fl-iqsar żmien possibbli. Fl-eventwalità improbabbli li bagalja ma tinstabx wara 21 jum, aħna nibdew proċeduri biex nirrifonduk bl-ispiża tal-bagalja mitlufa u l-kontenut tagħha. Jekk passiġġier ikun kopert minn assigurazzjoni tal-ivvjaġġar personali, l-ewwel għandu jikkuntattja lill-kumpanija tal-assigurazzjoni. Aħna maħniex responsabbli għal xi ħsara minuri mġarrba minħabba tkagħbir normali fl-immaniġġjar tal-bagalji.
Jekk issir ħsara lill-bagalja tiegħek: Jekk waħda mill-bagalji rreġistrati tiegħek ma tinstabx jew ikollha xi ħsara meta tasal fl-ajruport ta' destinazzjoni tiegħek, jekk jogħġbok irrapporta dan lil membru tal-persunal jew lil rappreżentant tal-Air Malta minnufih. Kwalunkwe talba għandha tiġi sottomessa bil-miktub fi żmien sebat ijiem. Billi r-responsabbiltà tat-trasportaturi għat-telf, għad-dewmien jew għall-ħsara fil-bagalji hija limitata; il-passiġġieri huma mħeġġa sabiex jagħmlu assigurazzjoni tal-ivvjaġġar privata.
Meta għandek tressaq talba għal kumpens għall-ħsara fil-bagalja tiegħek: Talba għal kumpens għall-ħsara fil-bagalja għandha titressaq minnufih. Madankollu, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, talba għal kumpens għal ħsara f'bagalja tista' tiġi aċċettata fi żmien 7 ijiem mill-wasla, sakemm tiġi ppreżentata l-irċevuta tal-bagalja t-tajba. L-irċevuta tal-bagalja tingħatalek maċ-check in fl-ajruport tat-tluq tiegħek.
Jekk il-bagalja tiegħek ma tasalx biex tkun tista' tinġabar: Jekk jogħġbok għarraf minnufih lill-Air Malta jew lir-rappreżentant tal-Air Malta. Ġeneralment, id-desk tas-Servizzi tal-Bagalji jkun jinsab fiż-żona minn fejn jinġabru l-Bagalji fis-Sala tal-Wasliet. Hawnhekk ser ikollok bżonn tippreżenta l-biljett tat-titjira tiegħek u l-irċevuti tal-bagalji li ngħatawlek fiċ-check-in għall-vjaġġ tiegħek. Għandu jitressaq minnufih Rapport dwar Irregolarità fil-Proprjetà (PIR) ħalli aħna nkunu nistgħu nibdew il-proċess tar-rintraċċar tal-bagalja mitlufa tiegħek. Ladarba d-dettalji dwar il-bagalja mitlufa jkunu ddaħħlu fis-sistema ta' rintraċċar tal-bagalji madwar id-dinja, inti tkun tista' tiċċekkja f'liema punt waslet it-tfittxija tal-bagalja tiegħek billi żżur il-paġna tal-Bagalji Mitlufa fuq www.airmalta.com jew billi tikklikkja hawnhekk.
Ftakar. Sakemm ma tippreżentalniex l-irċevuta tal-bagalja t-tajba, aħna ma nistgħux ninżammu responsabbli għal bagalji mitlufa. Madankollu, aħna xorta ngħarrfu lill-ajruport tat-tluq dwar din il-problema.
Skadenzi għall-irkupru ta' bagalji mitlufa: Ladarba timla r-Rapport dwar l-Irregolarità fil-Proprjetà fiż-Żona tal-Ġbir tal-Bagalji fis-Sala tal-Wasliet, aħna nibagħtu traċċatur (komunikazzjoni elettronika) lill-punt ta' oriġini tat-titjira. Jekk il-bagalja tinstab mill-ewwel, din tintbagħat mat-titjira disponibbli li jkun imiss. Jekk ma tiġix rintraċċata minnufih, jintbagħat it-tieni traċċatur lejn diversi destinazzjonijiet sakemm jaslulna dettalji dwar bagalja li taqbel. Din imbagħad tintbagħat mill-aktar fis possibbli.
Jekk tkun tlift jew insejt oġġett abbord: Qabel ma tinżel minn fuq l-ajruplan, il-membri tal-ekwipaġġ tagħna jfakkruk biex tiċċekkja li ma nsejt xejn warajk. Madankollu, jekk tinduna li nsejt xi ħaġa fuq l-ajruplan, għandek tikkuntattja minnufih lill-Air Malta jew lil rappreżentant tal-Air Malta fis-Sala tal-Wasliet. Ser ikollok bżonn tagħti n-numri tat-titjira u tas-siġġu tiegħek, kif ukoll deskrizzjoni tal-proprjetà mitlufa.
Żomm f'moħħok li aktar ma tagħmel dan kmieni, akbar ikun iċ-ċans li l-proprjetà mitlufa tiegħek tinstab u tiġi rkuprata faċilment, billi l-ajruplan jibda jitnaddaf u jiġi mħejji għall-vjaġġ li jkun imiss minn dak il-mument li jinżlu l-passiġġieri minn fuqu.
Jekk ikun wara li tkun tlaqt mill-ajruport li tinduna li tkun insejt xi ħaġa fuq l-ajruplan, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Bagalji f'Malta billi ċċempel fuq in-numru (+356) 2369 6063 / 6064 jew billi tibgħat email. Min-naħa tagħhom, il-membri tal-persunal ta' dan l-uffiċċju ser jagħmlu ħilithom biex isibu l-oġġett tiegħek u jikkuntattjawk lura jekk dan jinstab.
L-identifikazzjoni tal-bagalja tiegħek: Huwa rrakkomandat ħafna li inti twaħħal it-tikketta tiegħek fuq il-bagalja hekk kif dan jgħinna sabiex nidentifikaw li l-bagalja hija tiegħek fl-eventwalità improbabbli li tinqata' t-tikketta tar-reġistrazzjoni. Jekk ma jkollokx tikketta mal-bagalja, inti tista' titlob waħda mid-desks taċ-check-in kollha tagħna.
Titjiriet ta' konnessjoni: Jekk tkun qed tivvjaġġa mal-Air Malta u mbagħad tkun ser taqbad titjira oħra tal-Air Malta jew titjira operata minn kumpanija tal-ajru oħra, tista' tirreġistra l-bagalja tiegħek biex tinġarr darba sad-destinazzjoni finali tiegħek jekk:
- ikollok prenotazzjoni kkonfermata għaż-żewġ titjiriet fuq l-istess biljett;
- il-vjaġġ tiegħek ikun jinkludi waqfa (ivvjaġġar bi tranżitu);
- ikollna ftehim dwar il-ġarr tal-bagalji mat-tieni kumpanija tal-ajru li tkun ser tivvjaġġa magħha.
Inti tista' titlob aktar informazzjoni u direzzjonijiet mill-membri tal-persunal tagħna fl-ajruport, li ser ikunu lesti biex jiggwidawk fir-reġistrazzjoni tal-bagalja tiegħek.