Il-Prim Ministru jiltaqa’ mal-Impjegati tal-Uffiċċju tal-Air Malta fil-Ġermanja

Mejju 19, 2015

L-impjegati tal-uffiċċju tal-Air Malta fil-Ġermanja flimkien ma’ uffiċjali tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta ltaqgħu mal-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat fi Frankfurt matul iż-żjara riċenti tiegħu l-ġimgħa li għaddiet.

Iż-żewġ timijiet Ġermaniżi ltaqgħu ma’ Dr. Muscat li attenda l-"Malta Economy Forum" f’IHK, il-Kamra tal-Kummerċ fi Frankfurt - iċ-ċentru kummerċjali u finanzjarju ewlieni tal-Ġermanja.

Il-Prim Ministru, li kien il-kelliem ewlieni tal-avveniment, kien akkumpanjat mill-Onor. Dr. Christian Cardona, il-Ministru tal-Ekonomija, u Dr. Mario Vella, il-President tal-Malta Enterprise. 

Il-"Malta Economy Forum" – li kien indirizzat lejn investituri u msieħba kummerċjali potenzjali Ġermaniżi għal Malta - iffoka fuq l-esperjenzi pożittivi ta’ kumpaniji prominenti Ġermaniżi li daħlu f’impenn ekonomiku ma’ Malta. 

Matul il-forum, rappreżentanti minn kumpaniji Ġermaniżi bbażati Malta inklużi Playmobil, PromInent Group, Goeke Technology group u Lufthansa Technik taw preżentazzjonijiet dwar l-esperjenza tagħhom f’Malta.

Il-Ġermanja hija t-tieni l-iktar suq importanti għall-Air Malta wara r-Renju Unit. Mill-bidu nett, is-suq Ġermaniż kien tassew importanti għal-linja tal-ajru u, fil-fatt, Frankfurt kienet waħda mis-seba’ rotot li lejha bdiet topera l-linja tal-ajru iktar minn 40 sena ilu fl-1 ta’ April 1974. L-Air Malta kienet strumentali fl-iżvilupp tat-turiżmu lejn Malta mill-Ġermanja permezz tal-investiment kontinwu tal-linja tal-ajru fil-qadi ta’ numru għoli ta’ ajruporti fuq bażi diretta. 

Illum, il-linja tal-ajru Maltija ġġorr iktar minn 300,000 passiġġier kull sena fuq ir-rotot tagħha lejn il-Ġermanja. Dan is-sajf, il-linja tal-ajru ser tkun qed topera lejn Berlin, Dusseldorf, Frankfurt, Ħamburg u Munich b’26 titjira fil-ġimgħa. L-Air Malta hija l-unika linja tal-ajru li taqdi tant ajruporti Ġermaniżi tul is-sena kollha.  



Ir-ritratt juri (mix-xellug): Anke Pavel (Koordinatur ta’ MICE tal-MTA Ġermanja), Martin Frendo (Maniġer tal-Air Malta fil-Ġermanja), Michaela Hempel (Eżekuttiva Superjuri Proġetti ta’ Kummerċjalizzazzjoni Speċjali MTA Ġermanja), Dr. Joseph Muscat, Dr. Christian Cardona, Nicole Staaf (Eżekuttiv tal-Kummerċjalizzazzjoni MTA Ġermanja), Dagmar Reuben (Maniġer tal-Bejgħ u l-Kummerċjalizzazzjoni tal-Air Malta fil-Ġermanja).

 

 

1