L-Air Malta tirbaħ Premju tal-Puntwalità

Marzu 24, 2016

Data: It-Tnejn, 21 ta’ Marzu 2016
Ref: 010 - 2016 MT

L-Air Malta ngħatat il-Premju tal-Puntwalità 2015 għall-Kumpaniji tal-Ajru li joperaw titjiriet qosra fid-9 edizzjoni tal-Premji tal-Avjazzjoni fl-Ajruport ta’ Brussell. Il-kumpanija tal-ajru ta’ Malta identifikat ruħha billi akkwsitat rekord ta’ puntwalità ta’ 91.7% matul l-2015.

Rigward dan is-suċċess Silvio Falzon, l-Uffiċjal Kap tal-Operat tal-Air Malta qal, “Ninsabu tassew eċċitati b’dan il-premju. Ħdimna ħafna biex intejbu ċ-ċifri tagħna tal-On Time Performance OTP (Prestazzjoni fil-Ħin). Is-sena li għaddiet, man-netwerk kollu, għamilna madwar 15,000 titjira li 87.2% minnhom ma telqux aktar tard minn 15-il minuta mill-ħin tat-tluq skedat tagħhom. Dan huwa titjib ta’ 0.7% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel (2014:86.5%).”

“Diversi proġetti ta’ titjib tal-OTP ikkontribwixxew u taw l-appoġġ tagħhom biex iwasslu għal dawn ir-riżultati pożittivi. L-għan tagħna huwa li nibqgħu ntejbu l-proċessi u l-proċeduri sabiex nakkwistaw riżultati aħjar,” żied jgħid is-Sur Falzon.

L-Air Malta topera 9 titjiriet fil-ġimgħa għall-Ajruport ta’ Brussell. L-ajruport jgħaddu minnu 23 miljun passiġġier kull sena.


Ir-ritratt juri lil Angelo Sciberras – Il-Maniġer tas-Suq tal-Air Malta għal Franza, Benelux u Swiss Romande li qiegħed jirċievi l-premju mis-CEO tal-Ajruport ta’ Brussell, is-Sur Arnaud Feist. Ritratt: Stef Boey – Kumpanija tal-Ajru ta’ Brussell.
-tmiem-


 

1