L-Air Malta Tgħin lill-Breast Care Support Group

Ottubru 11, 2013

Data: Il-Ġimgħa, 11 ta' Ottubru 2013
Ref: 079-2013MT

Kull sena, matul ix-xahar ta’ Ottubru, l-Air Malta flimkien ma’ Sky Gourmet, tassisti lill-Breast Care Support Group Europa Donna Malta sabiex jiżdied l-għarfien, id-dijanjosi bikrija, t-trattament, kif ukoll il-kura paljattiva tal-kanċer fis-sider fost il-passiġġieri tal-linja tal-ajru. Ottubru huwa x-xahar osservat f’pajjiżi madwar id-dinja iddedikat ghall-kura tas-sider li matulu titqajjem kuxjenza dwar din il-marda.


Matul dan ix-xahar l-ekwipaġġ tal-Air Malta iqassmu żigarelli roża u jiġbru donazzjonijiet mingħand passiġġieri fuq titjiriet magħżula sabiex jgħinu lil dan il-grupp tal-karità. Is-sena li għaddiet inġabru €4,774 minn din il-kampanja. L-impjegati tal-Air Malta ta fuq iċ-check-in ukoll ser ikunu liebsin iż-żigarella roża matul ix-xahar t’Ottubru.

Id-donazzjonijiet miġbura ser imorru b’risq l-istampar ta’ materjal ta’ komunikazzjoni sabiex in-nisa jiġu mħeġġa biex jagħżlu ikel tajjeb għal saħħithom u biex jipprattikaw xi forma ta’ eżerċizzju – żewġ fatturi importanti sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kanċer fis-sider. 

Gertrude Abela f’isem il-Grupp irringrazzjat lill-Air Malta u qalet li huwa biss bil-ġenerożità tal-pubbliku u ta’ kumpaniji bħall-Air Malta li jistgħu jkomplu jgħinu u jagħtu appoġġ lill-komunità.

Il-Breast Care Support Group Europa Donna Malta hija NGO li tagħmel ħidma ta’ volontarjat bla qligħ li ilha attiva sa mill-1989. Il-missjoni tagħha hija li toħloq kuxjenza u tappoġġa lill-pazjenti u lill-familji tagħhom li jkunu għaddejjin mit-trawma ta’ kancer fis-sider. Matul is-sena l-grupp jaħdem bla heda biex jorganizza kampanji ta’ kuxjenza u jorganizza taħdidiet fi skejjel u fuq diversi postijiet tax-xogħol. Il-grupp jopera linja ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum (bin-numru tal-telefon 9999 4666) li tipproċessa numru kbir ta’ telefonati matul is-sena u joffri wkoll servizz ta’ konsulenza individwali. Is-servizzi u l-materjali kollha jingħataw b’xejn.

Din il-kampanja tifforma wkoll parti mill-inizjattivi ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-Air Malta li permezz tagħhom il-linja tal-ajru tappoġġa lil organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-ġid tal-komunità Maltija. Ebda linja tal-ajru oħra li topera titjiriet lejn Malta ma tipprovdi appoġġ kontinwu lil organizzazzjonijiet volontarju u mhux governattivi bħal ma tagħmel l-Air Malta.

1