L-Air Malta tgħin biex jissaħħaħ il-futur waqt il-Forum tat-Turiżmu Malti organizzat mill-MHRA

Diċembru 11, 2015

Data: Il-Ġimgħa, 11 ta’ Diċembru 2015
Ref: 070-2015

L-Air Malta kienet waħda mis-sostenituri ewlenin tal-Forum tat-Turiżmu Mediterranju għal din is-sena mmexxija mill-Assoċjazzjoni tar-Ristoranti u l-Lukandi Maltin (Malta Hotels and Restaurants Association, MHRA). Issa fit-tielet sena tiegħu, il-Forum jimmira li jlaqqa’ flimkien lill-partijiet interessati tas-settur pubbliku u dak privat b‘interess fit-turiżmu madwar ir-reġjun Mediterranju.

It-tema magħżula, “Empowering Tomorrow” (It-Tisħiħ tal-Ġejjieni), tenfasizza l-potenzal tat-turiżmu biex jiġu ġġenerati l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà fir-reġjun Mediterranju. Madwar 1000 delegat minn bosta pajjiżi minn madwar ir-reġjun ipparteċipaw fil-forum li sar il-ġimgħa l-oħra.

“Li nifhmu lill-konsumaturi tagħna llum huwa l-punt ewlieni biex Jissaħħaħ il-Ġejjieni”, ikkummentat is-Sinj. Ursula Silling, il-Kap Uffiċjal Kummerċjali tal-Air Malta matul intervent fil-Forum. Hija qalet li l-linja tal-ajru investiet ħafna biex tipprova tifhem il-livelli ta’ sodisfazzjon u l-ħtiġijiet tal-klijenti tagħha u tagħmel bosta stħarriġ f'ħin reali f'dan ir-rigward. S'issa nġabru aktar minn 10,000 reazzjoni, u l-linja tal-ajru timmira li tkompli ttejjeb il-prodotti u s-servizzi tagħha b'konformità mal-ħtiġijiet  li jevolvu tal-klijenti.

Kemm l-MHRA kif ukoll l-Air Malta jaqsmu t-twemmin imfisser mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti li t-turiżmu huwa opportunità kbira biex ikabbar aktar u b'mod sostenibbli l-ekonomiji tagħna filwaqt li joħloq il-pedamenti tajbin għall-paċi u l-istabilità fir-reġjun.

Il-forum ta' din is-sena ra wkoll l-inawgurazzjoni tal-Fondazzjoni tat-Turiżmu Mediterranju li l-missjoni u l-objettivi tagħha huma li żżid id-djalogu permezz tal-organizzazzjoni ta' fora varji, li tmexxi l-Istitut Mediterranju għal Studji fil-Qasam tat-Turiżmu u li tippromwovi avvenimenti biex jittejjeb il-prodott u l-esperjenza tat-turiżmu reġjonali.

Matul il-forum, l-Air Malta nediet video qasir ta' testimonjanzi li jenfasizza x'jaħsbu l-klijenti dwar il-linja tal-ajru. Il-video huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Air Malta www.airmalta.com u fuq kanali tal-mezzi soċjali inkluż www.facebook.com/AirMalta u www.youtube.com/user/airmalta .


Ritratt juri lis-Sinj. Ursula Silling, il-Kap Uffiċjal Kummerċjali tal-Air Malta waqt l-intervent tagħha waqt il-Forum.

-tmiem-


1