L-Air Malta Tassisti lil Hospice Malta

Lulju 29, 2015

Data: L-Erbgħa, 29 ta’ Lulju 2015
Ref: 046-2015 MT

L-Air Malta ser terġa tassisti lil Hospice Malta sabiex jiżdied l-għarfien tal-objettivi tal-Hospice fost il-klijenti tal-Air Malta. Matul ix-xahar ta’ Awwissu, l-ekwipaġġ tal-kabina tal-Air Malta sejjer ikun qed jiġbor donazzjonijiet abbord it-titjiriet tal-linja tal-ajru sabiex jgħin lil din l-organizzazzjoni.

Dawn id-donazzjonijiet sejrin jappoġġaw lill-Hospice biex tkompli tipprovdi u tippromwovi l-ogħla standards ta’ kura paljattiva lil persuni b’kanċer, mard tan-newroni motorji u mard ieħor li jtemm il-ħajja, kif ukoll lill-familji tagħhom u lil dawk li jieħdu ħsiebhom. 

Hospice Malta qalet, “Nirringrazzjaw lill-Air Malta talli qed tgħinna din is-sena. Bħala organizzazzjoni volontarja, li ma għandhiex l-għan li tagħmel profitti, aħna niddependu fuq l-appoġġ mogħti minn kumpaniji bħalma hi l-Air Malta u mill-pubbliku ġenerali sabiex inkomplu nipprovdu servizzi lil persuni li jkunu qegħdin isofru minn għadd ta’ mard li jtemm il-ħajja”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Philip Micallef qal, “L-Air Malta hija l-unika linja tal-ajru li topera f’Malta li tipprovdi appoġġ kontinwu lil organizzazzjonijiet volontarji u mhux governattivi. Nirringrazzja lill-ekwipaġġ tal-kabina tagħna u lill-passiġġieri għall-appoġġ tagħhom matul din il-kampanja. Din il-kampanja tifforma parti mill-inizjattivi tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva tal-Air Malta, li permezz tagħhom, il-linja tal-ajru tappoġġa lil organizzazzjonijiet li jaħdmu ħafna fil-komunità Maltija.”

Din l-inizjattiva hija appoġġata wkoll minn Sky Gourmet, il-fornitur tal-catering tal-linja tal-ajru.

Hospice Malta hija organizzazzjoni volontarja ispirata minn valuri Kristjani. Ġiet stabbilita fl-1989 u tippromwovi u tipprovdi l-ogħla standards ta’ Kura Paljattiva b’mod olistiku lil persuni li jkunu resqin lejn tmiem ħajjithom b’kanċer, marda tan-newroni motorji, mard kardijaku, respiratorju u tal-kliewi. Aktar minn 7000 pazjent u l-familji tagħhom ibbenefikaw mis-servizzi tal-Hospice. Fil-preżent, Hospice tirċievi medja ta’ 60 riferiment ġdid kull xahar. Żjarat għal pazjenti u l-familji jammontaw għal aktar minn 7000 fis-sena.

Is-servizzi pprovduti minn Hospice jinkludu kura d-dar, taqsima ta’ terapija ta’ matul il-ġurnata, idroterapija, serħan, trasport ta’ pazjenti, self ta’ apparat speċjalizzat, appoġġ l-isptar, programm tas-sajf għat-tfal ta’ pazjenti u ta’ dawk li jieħdu ħsieb il-pazjenti u appoġġ lill-qraba wara l-mewt tal-pazjent u ferm aktar. Dawn is-servizzi kollha huma pprovduti bla ħlas lill-pazjenti kollha.

Il-fondi huma ġġenerati prinċipalment permezz ta’ donazzjonijiet u permezz ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li ma jaqtgħu xejn organizzati tul is-sena kollha. Avvenimenti annwali u inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi jinkludu l-kampanja Sunflower, Figolli fi żmien l-Għid, BBQ, Mixja Bil-Lejl, Poinsettias u kards fi żmien il-Milied. Oħrajn jinkludu donazzjonijiet lill-Hospice minflok souvenirs għal okkażjonijiet u attivitajiet speċjali organizzati minn partijiet terzi għall-benefiċċju tal-Hospice.

Kif tappoġġa lil Hospice Malta:
Kulħadd jista’ jgħin lil Hospice billi jsir membru billi jipparteċipa f’attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, permezz ta’ donazzjonijiet monetarji kif ukoll billi wieħed isir voluntier mal-Hospice. Il-membri jinżammu infurmati bl-attivitajiet kollha li għalihom ikunu mistednin jipparteċipaw u jagħtu l-appoġġ tagħhom.

Għal aktar informazzjoni tista’ ċċemplilna fuq +356 21440085/6; email fuq [email protected] jew iżżur is-sit elettroniku tal-Hospice fuq www.hospicemalta.or u l-paġna ta’ Hospice Malta Facebook page.

-tmiem-
1