L-Air Malta b’titjiriet lejn u minn 30 destinazzjoni dan is-sajf

Jannar 28, 2016

Data: Il-Ħamis, 28 ta’ Jannar 2016
Ref: 004-2016

L-Air Malta qiegħda tippjana skeda ta’ titjiriet aqwa għas-sajf tal-2016 li sejra tinkludi ħinijiet aħjar ta’ titjiriet fuq Manchester, Katanja, Vjenna, Lyon u Marsilja u aktar frekwenzi fuq Berlin. Il-linja tal-ajru Maltija ser tibqa’ tkun l-akbar operatur lejn Londra fir-Renju Unit billi toffri għażla ta’ 30 titjira fil-ġimgħa lejn seba’ ajruporti. B’din l-iskeda, li ser tkun għaddejja mis-27 ta’ Marzu sad-29 ta’ Ottubru, l-Air Malta għandha l-għan li ġġorr aktar minn miljun passiġġier.

Il-linja tal-ajru bħalissa għaddejja b’promozzjoni bi prezzijiet li jibdew minn 44 euro f’direzzjoni waħda, inklużi t-taxxi u tariffi oħra.

Saru għadd ta’ bidliet fl-iskeda tas-sajf tas-sena li għaddiet biex jingħataw l-aħjar opportunitajiet, tiżdied l-effiċjenza u jinħolqu titjiriet aktar attraenti, kemm għaċ-ċittadini Maltin kif ukoll għat-turisti li sejrin iżuru l-gżejjer dan is-sajf. 

“Dan is-sajf l-għan tagħna huwa li niksbu l-miri billi nagħmlu aktar b’inqas u niddedikaw ir-riżorsi kollha tagħna fuq Malta. Qegħdin nużaw strateġija ta’ distribuzzjoni b’ħafna kanali li tinkludi lill-operaturi tat-turs, lill-aġenti tal-ivvjaġġar, l-ivvjaġġar tal-gruppi u l-bejgħ dirett permezz tas-sit elettroniku tagħna. Għadna l-aktar operatur b’saħħtu fuq Malta li jopera għażla ta’ 135 titjira fil-ġimgħa bl-aħjar ħinijiet tat-titjira, l-aħjar għażla ta’ ajruporti u bi prezzijiet kompetittivi”, qalet il-Kap Uffiċjal tal-Kummerċ Ursula Silling.

Dan is-sajf l-Air Malta ser tkompli tkun l-akbar operatur charter lejn u minn Malta u qiegħda tippjana programm interessati għall-operaturi Maltin u dawk barranin. Bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet mal-operaturi charter.

Għal aktar tagħrif żur www.airmalta.com, ċempel l-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fuq +356 21662211 jew illoggja fuq www.facebook.com/AirMalta.

-tmiem-
1