L-Air Malta ser topera darbtejn kuljum lejn Munich, Ruma u Catania fis-sajf 2017

Novembru 30, 2016

Data: 30 ta’ Novembru 2016
Ref: 086-2016

Is-sajf li ġej l-Air Malta qed tippjana li topera 150 titjira fil-ġimgħa lejn 29 destinazzjoni. B’din l-iskeda, li tibda mis-26 ta’ Marzu sat-28 ta’ Ottubru 2017, il-linja tal-ajru ta’ Malta qed tippjana li ġġorr 1.2 miljun passiġġier filwaqt li tkompli topera bi flotta ta’ tmien ajruplani, simili għal din is-sena.

L-iskeda tal-Air Malta għas-sajf 2017 se jkollha żieda fil-frekwenzi lejn Munich, Brussell, Amsterdam, Vjenna, Zurich, Ruma, Catania, Lyon, Palermo, Praga u Moska. Fl-eqqel tas-sajf, il-linja tal-ajru se topera sa żewġ vjaġġi kuljum lejn Munich, Ruma u Catania. Is-sajf li ġej l-Air Malta se tnaqqas xi frekwenzi għall-istaġun kollu, jew parti minnu, lejn London Gatwick, Berlin, Manchester u Ġinevra u se twaqqaf il-frekwenzi lejn Ateni u Frankfurt. Madankollu l-linja tal-ajru xorta se żżomm it-titjiriet ta’ code-sharing mal-Lufthansa lejn Frankfurt fejn il-linja tal-ajru Ġermaniza se topera b’żewġ titjiriet kuljum.

L-Air Malta se tkompli l-ftehimiet ta’ code-sharing mal-Air France, l-Alitalia, l-Aeroflot, l-Austrian Airlines, l-Emirates, l-Etihad, il-KLM, il-Lufthansa, il-Brussels Airlines, iċ-Czech Airlines, il-Meridiana, is-Swiss Airlines u t-Turkish Airlines. Dawn il-ftehimiet jespandu n-netwerk tal-Air Malta lejn swieq oħra madwar id-dinja.

Din l-iskeda tas-sajf se timmassimizza l-opportunitajiet, iżżid l-effiċjenza u tagħmel it-titjiriet aktar attraenti, kemm għal dawk li jivjaġġaw minn Malta kif ukoll għat-turisti li s-sajf li ġej se jżuru l-gżejjer.

 “Aħna ffukajna fuq ir-rotot ewlenin tagħna, żidna l-frekwenzi lejhom filwaqt li naqqasna jew waqqafna titjiriet li mhumiex popolari. Żidna l-frekwenzi lejn l-aktar ajruporti internazzjonali konvenjenti biex b’hekk ngħatu l-opportinta’ lil-klijenti tagħna jtiru meta jixtiequ bl-inqas spejjeż ta’ trasport bl-art possibbli. L-istrateġija tagħna biex inżidu l-frekwenzi se tissarraf f’opportunitajiet aħjar għall-viżitaturi fuq btala qasira, għat-tkabbir fin-numru ta’ turisti lejn Malta, filwaqt li nutilizzaw l-ajruplani dejjem jiżdied”, jgħid Joseph Galea l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Air Malta.

“Aħna ddeterminati li nkomplu nkabbru r-riżorsi limitati tagħna biex niksbu effiċjenza operattiva aħjar u niksbu l-aħjar opportunitajiet min-netwerk ta’ rotot tagħna. Aħna kburin li noperaw l-aktar skeda ta’ ħinijiet ta’ titjiriet u netwerk tar-rotot konvenjenti lejn u minn Malta billi noperaw lejn l-aħjar ajruporti li joffru konnessjonijiet ’il bogħod u lil hinn min-netwerk tal-Air Malta permezz tal-imsieħba ta’ code-sharing tagħna”, żied is-Sur Galea.

Is-sajf li ġej l-Air Malta se tkompli tkun l-akbar operatur charter lejn/minn Malta u qed tippjana programm interessanti għall-Maltin u għall-operaturi barranin. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-operaturi charter.

Għal aktar informazzjoni żur www.airmalta.com, ċempel lill-uffiċċju ta’ bejgħ fuq +356 21662211 jew illoggja fuq www.facebook.com/AirMalta.

1