Id-Dehra tal-Ajruplani tal-Air Malta Ppremjata r-Russja

Frar 9, 2017

Data: L-Erbgħa, it-8 ta’ Frar 2017
Ref: 007-2017 MT

Id-dehra mlewna tal-ajruplani tal-Air Malta tkompli tirbaħ premjijiet prestiġjużi madwar id-dinja. Il-linja tal-ajru Maltija rebħet it-taqsima tal-“Linja tal-Ajru bl-Aqwa Dehra tal-Ajruplani” matul l-avveniment tal-Premji tal-2016 tal-ajruport Sheremetyevo ta’ Moska.

“Il-Linja tal-Ajru Maltija hija ferm kuntenta li d-dinja tirrikonoxxi d-dehra tassew speċjali tal-Air Malta. Ispirata mill-kultura għanja u mill-popolazzjoni tant dħulija, l-ajruplani huma estensjoni tal-Gżejjer Maltin u jintgħarfu madwar id-dinja. L-Air Malta trid li n-nies iħossuhom li waslu Malta malli jaraw l-ajruplani tal-kumpanija fl-ajruporti madwar id-dinja”, qal Paul Sies, l-Uffiċjal Kap Kummerċjali tal-Air Malta. 

Ir-rebbieħa tad-diversi kategoriji tal-premjijiet inkludew lil KLM, Finnair, Aeroflot, Air Astana, China Southern Airline, Korean Air, Air France, Czech Airlines u airBaltic, fost l-oħrajn. L-avveniment seħħ bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 100 rappreżentant mil-linji tal-ajru, mill-aġenziji online u mill-operaturi ta’ ġiti. 

Dan il-premju nkiseb wara li f’Ġunju tas-sena l-oħra l-Air Malta mexxiet it-titjiriet tagħha bejn Malta u Moska għat-terminal (E) il-ġdid tal-ajruport Sheremetyevo. Bħalissa l-linja tal-ajru qed topera servizz darba fil-ġimgħa. Dawn it-titjiriet ser jiżdiedu għal tliet darbiet fil-ġimgħa fl-eqqel tas-sajf. 

L-ajruport Sheremetyevo huwa wieħed mill-aktar 10 ajruporti li qed jikbru l-iktar malajr fl-Ewropa. Is-sena l-oħra, l-ajruport qeda lil 34.3 miljun passiġġier u kellu 272,970 moviment ta’ ajruplani, sabiex b’hekk sar l-akbar u l-aktar ajruport modern fir-Russja.

L-Ajruport Sheremetyevo pprovda lill-Air Malta b’aktar flessibbiltà operazzjonali u jaqbel perfettament mal-istrateġija tal-linja tal-ajru li toffri lill-klijenti l-aqwa ajruporti ċentrali b’konnessjonijiet faċli ’l quddiem. L-Ajruport Sheremetyevo huwa ċentru tal-Linja tal-Ajru Nazzjonali tar-Russja, l-Aeroflot is-sieħeb li miegħu l-Air Malta taqsam il-kodiċi. Permezz ta’ dan il-qsim tal-kodiċi, Sheremetyevo qed joffri lill-klijenti tal-Air Malta aktar minn 30 destinazzjoni fir-Russja.

Minkejja l-klima ekonomika u kompetittiva diffiċli, l-Air Malta ħadet impenn favur din ir-rotta u hija l-unika linja tal-ajru li toffri konnettività lejn il-pajjiż sabiex tappoġġja lill-komunità kummerċjali u tassisti fl-iżvilupp tat-turiżmu miż-żewġ pajjiżi. 

Hemm ħafna x’tesperjenza f’Moska. Il-belt hija mogħnija bl-istorja, bl-arti u bil-kultura. Moska tilqa’ diversi veduti magħrufin bħall-Pjazza l-Ħamra, il-Kremlin u t-tant imfittex Teatru Bolshoi. Hija waħda mill-aktar metropoli vibranti fl-Ewropa b’aktar minn 10 miljun ruħ, miżgħuda ċentri tax-xiri, postijiet tad-divertiment billejl u barijiet. Hija l-antiporta għall-ibliet taċ-Ċirku Dehbi u tal-bqija tar-Russja.

Tant ieħor, il-Gżejjer Maltin għandhom ħafna x’joffru lir-Russi, minn wirt kulturali u storiku rikk sa opportunitajiet ta’ mistrieħ u ta’ divertiment. 

L-iskeda tat-titjiriet tal-Air Malta topera kull nhar ta’ Ġimgħa minn Malta. Fi tmiem Marzu, ser tiżdied frekwenza oħra ta’ kull ġimgħa li titlaq minn Malta nhar is-Sibt. Is-sajf li ġej (mill-20 ta’ Ġunju sas-26 ta’ Settembru 2017), il-linja tal-ajru se żżid titjira oħra fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tlieta. It-titjiriet kollha se joperaw fil-ħinijiet tat-titjira ta’ hawn taħt. 

KM560 tluq Malta 2220hrs wsl Moska 0320*hrs
KM561 tluq Moska 0420*hrs wsl Malta 0730*hrs
*- l-għada

Għal aktar dettalji dwar l-Air Malta, żur www.airmalta.com  jew żur www.visitrussia.com  għal informazzjoni dwar vjaġġi fir-Russja.  


Ritratt: Robert Obolgogiani (xellug), Viċi President Eżekuttiv għar-Russja, is-CIS, l-Asja Ċentrali u tan-Nofsinhar ta’ Aviareps, ir-rappreżentanti tal-Air Malta fir-Russja, jirċievu l-premju għal-“Linja tal-Ajru bl-Aqwa Dehra tal-Ajruplani” matul il-Premji tal-2016 tal-ajruport Sheremetyevo ta’ Moska.


1