Kaptan tal-Air Malta Iwettaq il-Proposta tal-Ħolm tiegħu ta’ Jum San Valentin

April 15, 2015

Data: L-Erbgħa, 15 ta’ April 2015
Ref: 026-2015 MT


Kien lejl ta’ mħabba abbord it-titjira tal-Air Malta KM14JC il-bieraħ filgħaxija meta 14-il xahar wara l-proposta tiegħu, il-Kaptan tal-Air Malta Charles Borg Giuliano iżżewweġ lill-maħbuba u membru tal-ekwipaġġ tal-kabina, Julia Lynne Saliba. 

Wara ċ-ċerimonja ċivil li saret fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-għarajjes irħewlha għat-titjira flimkien mal-ħbieb, membri tal-familja u kollegi. Huma ċċelebraw iż-żwieġ tagħhom abbord titjira romantika tal-Air Malta b’dawriet mhux tas-soltu f’għamla ta’ qalb fuq il-gżejjer Maltin. It-titjira nkriet u tħallset mill-koppja.


Id-dilettanti tal-avjazzjoni madwar id-dinja tħawdu meta, fuq is-sit ta’ traċċar tat-traffiku tal-ajru, Flightradar24.com, raw it-titjira tal-Air Malta KM14JC tifforma żewġt iqlub kbar fuq il-gżejjer Maltin u laqqmuha ‘It-Titjira tal-Imħabba’.

Il-Kaptan Borg kien qiegħed iwettaq l-proposta taż-żwieġ tiegħu li organizza fl-14 ta’ Frar tas-sena l-oħra. 

Dakinhar, waqt li kien qed itajjar l-‘Ajruplan tal-Imħabba’ tal-Air Malta, titjira speċjali organizzata mil-linja tal-ajru għall-koppji f’Jum San Valentin, huwa talab lill-għarusa tiegħu u membru tal-ekwipaġġ, Julia Lynne Saliba tidħol fil-kabina tal-ajruplan fejn huwa pproponielha. Huwa kien ippjana r-rotta madwar Sqallija u l-Etna bir-reqqa biex joħloq rotta f’għamla perfetta ta’ qalb. 


Il-koppja ser tiżżewweġ bil-knisja fi tmiem il-ġimgħa li ġej.

L-Air Malta tixtieq tifraħ lill-Kaptan Charles Borg Giuliano u l-membru tal-ekwipaġġ Julia Lynne Saliba għal din l-inizjattiva straordinarja u tawguralhom kuntentizza fil-ħajja miżżewġa tagħhom. Huma qegħdin jingħaqdu ma’ 25 koppji oħra miżżewġin li huma wkoll membri tal-persunal tal-Air Malta.

Iċ-ċerimonja u t-titjira kienu organizzati bl-għajnuna tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u s-Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru ta’ Malta.

Għal aktar tagħrif dwar il-kiri ta’ ajruplani tal-Air Malta għal esperjenzi simili kkuntattja lil [email protected] jew fuq it-telefon +356 22999145.

 

1