Air Malta tniedi l-iskeda tagħha għas-sajf 2015

Marzu 13, 2015

Date: Il-Ġimgħa, 13 ta’ Marzu 2015
Ref: 012-2015 MT


Dan is-sajf, l-Air Malta qed toffri lill-klijenti medda ta’ 160 titjira fil-ġimgħa madwar 50 destinazzjoni. B’din l-iskeda, miftuħa bejn id-29 ta’ Marzu u l-24 ta’ Ottubru, il-linja tal-ajru Maltija qed tippjana li ġġorr 1.2 miljun passiġġier.

26 minn dawn ir-rotot huma servizzi skedati, filwaqt li t-23 l-oħra huma titjiriet ‘charter’.

Saru għadd ta’ bidliet fl-iskeda tas-sajf mis-sena l-oħra sabiex l-opportunitajiet jiġu sfruttati aħjar, tiżdied l-effiċjenza u t-titjiriet isiru iktar attraenti, kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti li jżuru l-gżejjer dan is-sajf. 

Dan tħabbar ilbieraħ mill-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, Philip Micallef matul it-tnedija tal-AMITEX, il-fiera annwali tal-ivjaġġar organizzata fil-Malta Fairs and Conventions Centre Limited (MFCC). Il-fiera ser tibqa’ għaddejja sal-Ħadd.

Dan is-sajf, il-linja tal-ajru Maltija ser iżżid it-titjiriet b’servizz ta’ kuljum lejn Amsterdam. Anki t-titjiriet lejn Brussell żdiedu minn seba’ għal disa’ titjiriet fil-ġimgħa. 


Saru bidliet fl-iskeda tar-rotot Taljani wkoll. Din is-sena, l-Air Malta qed topera servizz ta’ kuljum lejn l-ajruport ta’ Linate f’Milan. Għat-tieni sajf konsekuttiv, il-linja tal-ajru ser tkun qed topera lejn Venezja, b’ massimu ta’ 3 titjiriet fil-ġimgħa u żiedet ukoll 3 titjiriet fil-ġimgħa lejn Katanja.

F’dan l-istaġun, l-Air Malta ser tkun qed topera sensiela interessanti ta’ titjiriet ‘charter’ ukoll, kemm għall-operaturi Maltin kif ukoll għal dawk barranin. Ħafna mit-titjiriet ser joperaw lejn Tel Aviv fl-Iżrael, u ajruporti reġjonali fl-Ingilterra, Franza u l-Ewropa tal-Lvant.

“L-istrateġija tagħna hija li noperaw skeda tat-titjiriet f’ħinijiet konvenjenti lejn għadd ta’ ajruporti ċentrali. Kburin li noffru prezzijiet kompetittivi filwaqt li nagħtu lill-klijenti tagħna għażla vasta ta’ l’fuq minn 100 destinazzjoni flimkien mal-linji tal-ajru msieħba tagħna,” qalet l-Uffiċjal Kap Kummerċjali Ursula Silling. 

Dan is-sajf, l-Air Malta qed topera titjiriet skedati diretti lejn Amsterdam, Ateni, Berlin, Brussell, Budapest, Katanja, Düsseldorf, Djerba, Frankfurt, Ġinevra, Ħamburg, Londra – Gatwick, Londra – Heathrow, Lyon, Manchester, Marsilja, Milan, Moska Domodedovo, Munich, Pariġi – Charles De Gaulle, Pariġi – Orly, Praga, Ruma, Venezja, Vjenna u Zurich. 

Għal iktar tagħrif, żur il-websajt , ċempel lill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fuq +356 21662211 jew idħol fuq www.facebook.com/AirMalta .

1