Lulju 5, 2016
Data: It-Tnejn, 4 ta’ Lulju 2016
Ref: 050 - 2016 MT
L-Air Malta nediet illum servizz skedat darbtejn fil-ġimgħa lejn il-belt kapitali u ċ-ċentru politiku ta’ Sqallija, Palermo. Dan is-servizz se jopera flimkien mat-15-il titjira fil-ġimgħa lejn il-belt l-oħra importanti tal-gżira, Catania. Dawn it-titjiriet sejrin isaħħu l-pożizzjoni ewlenija tal-Air Malta bħala trasportatur ewlieni li jaqdi ż-żewġ gżejjer u l-impenn tal-linja nazzjonali tal-ajru lejn iż-żewġ gżejjer f’setturi varji fosthom fl-oqsma turistiċi, ekonomiċi u kulturali.
“Din hija aħbar tajba oħra għall-klijenti Maltin u Sqallin tagħna,” qal Joseph Galea, id-Deputat Kap tal-Uffiċċju Kummerċjali mal-wasla tal-ewwel titjira. “Aħna kuntenti ħafna li nedejna s-servizzi l-ġodda tagħna lejn u mill-ajruport Falcone Borsellino ta’ Palermo. Dan is-servizz li se jiġi operat bl-Airbus A319 A320 mhux se jkun rotta staġjonali għas-sajf biss iżda se nkomplu noffru s-servizzi tagħna matul ix-xitwa u qed inbassru li sejrin inwasslu madwar 20,000 passiġġier fl-ewwel sena operattiva.”
“L-Air Malta toffri l-aqwa għażla għall-vjaġġaturi mhux biss lejn Sqallija iżda madwar l-Italja fejn anki noperaw għal Ruma u Milan b’total ta’ 34 titjira fil-ġimgħa u l-ogħla numru ta’ frekwenzi għal kull destinazzjoni meta mqabbel ma’ trasportaturi oħrajn. Bil-passiġġieri addizzjonali li jinħolqu permezz ta’ din ir-rotta, nimmiraw li s-sena dieħla nġorru aktar minn 350,000 ruħ minn madwar l-Italja kollha,” żied jgħid is-Sur Galea.
Huwa u jikkummenta fuq din it-tnedija, is-Sur Leslie Vella, id-Deputat Kap tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu qal, “Is-suq tat-turiżmu Sqalli lejn Malta huwa attraenti minħabba l-viċinanza u l-volum tiegħu. Sqallija hija gżira diversa u filwaqt li l-parti tal-lvant tagħha tgawdi minn konnessjoni tajba ma’ Malta, l-istess ma jistax jingħad għall-konnessjonijiet mal-punent tagħha. Is-servizz il-ġdid tal-Air Malta lejn Palermo matul is-sena kollha sejjer jindirizza dan l-iżbilanċ u sejjer joħloq potenzjal b’saħħtu għal żieda fit-turiżmu mill-eqreb ġar tagħna.”
Is-Sur Alan Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta żied jgħid “Nilqgħu l-iżvilupp tal-lum fuq żewġ livelli: l-ewwelnett, is-suq Taljan huwa wieħed mill-aqwa xprunaturi tat-traffiku tal-passiġġieri u l-inawgurazzjoni tar-rotta ta’ Palermo sejra żżid konnessjoni ġdida għall-iskeda tagħna ta’ matul is-sena. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ Palermo sejra sservi biex il-potenzjal uniku ta’ Sqallija jintuża bħala destinazzjoni ideali għall-jiem ta’ mistrieħ qosra minħabba l-viċinanza tal-gżejjer tagħna. Nixtieq infaħħar lit-tim tal-Air Malta għall-isforzi tiegħu fl-iżvilupp ta’ din ir-rotta.”
B’iżjed minn 2,700 sena ta’ storja, il-kapitali Sqallija għandha ħafna x’toffri lill-Maltin li jixtiequ jżuru din il-belt sabiħa. Bl-istess mod, il-Gżejjer Maltin għandhom ħafna x’joffru lill-Isqallin, minn wirt kulturali għani sa opportunitajiet ta’ divertiment.
Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru Maltija sejra topera titjiriet ta’ darbtejn fil-ġimgħa lejn u minn Palermo kull nhar ta’ Tnejn u Ħamis. Is-servizz il-ġdid se joffri konnessjoni bejn Malta u l-parti tal-punent ta’ Sqallija.
Din is-sena, bħala parti mit-titjib kostanti tagħha fl-iskeda, l-Air Malta reġgħet bidlet il-ħinijiet ta’ xi titjiriet ta’ Catania biex toffri konnessjonijiet aħjar ma’ servizzi għal bliet kbar Ewropej. Dawn l-inizjattivi mistennija li jkomplu jiffaċilitaw l-opportunitajiet ta’ kummerċ bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-belt ta’ Palermo hija l-benniena storika tal-kultura tal-Punent u dik Għarbija bil-bini Romanesk, Gotiku u Barokk tagħha u hija l-bażi perfetta li minnha tista’ tesplora r-reġjun. Hija magħrufa għall-kultura, l-arkitettura u l-gastronomija rikki tagħha.
Il-villaġġ storiku, medjevali, antik tagħha huwa popolari ħafna mat-turisti, inkluż il-Kappella Palatina, kappella żgħira moħbija fi ħdan il-Palazz tan-Normanni. Dan il-palazz huwa magħruf għar-rikkezza tiegħu ta’ mużajk impressjonanti li jindura l-ħitan ta’ ġewwa tiegħu. Popolari wkoll huma l-pjazza ewlenija tal-belt, Quattro Canti, u l-kappella ċkejkna ta’ San Katald, li għandha tliet koppli żgħar u skritturi Għarab fuq il-kolonni tagħha. Din tħares fuq il-“Funtana tal-Mistħija” famuża ta’ Palermo. Kemm kemm ’il barra minn Palermo hemm il-Katidrall ta’ Monreale, wieħed mill-isbaħ binijiet ta’ Sqallija, li ġewwa tiegħu huwa ddekorat b’mużajk tad-deheb ileqq Biżantin filwaqt li l-kolonni huma mibrumin b’żigżag ileħħ ta’ intarsjar minn żmien il-Mori.
Dawk li jippreferu t-tentazzjoni tax-xiri żgur li għandhom iżuru t-toroq ta’ Via Maqueda, Via Ruggero Settimo u Via della Libertà. Dawk li jippreferu t-tfittxija għal xi ‘bargain’ jew xi krafts tradizzjonali, fuħħar, ħadid maħdum u injam imnaqqax, ma għandhomx jitilfu l-opportunità li jżuru l-ħwienet f’Via Bara, f’Via Orologia u f’Vittorio Emanuele.
Bejn ix-xiri fit-toroq dojoq jew fil-boulevards wesgħin ta’ din il-belt, hemm bosta opportunitajiet biex tieqaf għal xi ikla ħafifa ta’ brunġiel moqli jew biċċiet kbar ta’ pizza mħejjija mill-bejjiegħa tat-toroq. Għal dawk li għandhom iktar ħin għad-dispożizzjoni tagħhom, ta’ min iżuru xi ristorant iżjed formali biex iduqu l-kċina eċċellenti ta’ Sqallija.
L-iskeda tat-titjiriet tal-Air Malta hija din li ġejja:
It-Tnejn
Tluq Malta 1315hrs Wasla Palermo 1415hrs
Tluq Palermo 1505hrs Wasla Malta 1555hrs
Il-Ħamis
Tluq Malta 1950hrs Wasla Palermo 2050hrs
Tluq Palermo 2140hrs Wasla Malta 2230hrs
Tista’ tikseb aktar informazzjoni billi żżur www.airmalta.com, billi ċċempel lill-Call Centre tal-Air Malta +356 21662211, mill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew mill-Aġenti tal-Ivvjaġġar f’Malta jew fl-Italja.
Photos: Jason Muscat / Air Malta