L-Air Malta Maħtura l-Linja tal-Ajru Preferuta għat-Tellieqa “Rolex Middle Sea”

Ottubru 20, 2016

Data: 20 ta’ Ottubru 2016
Ref: 074-2016 MT

L-Air Malta għal darb’oħra nħatret bħala l-Linja tal-Ajru Preferuta għat-Tellieqa “Rolex Middle Sea”. Issa, fis-37 sena tagħha, it-tellieqa tal-jottijiet ta’ 608 mili nawtiċi kibret sal-punt li qiegħda tattira xi wħud mill-aqwa skippers tad-dinja, inklużi rebbieħa ta’ midalji Olimpiċi u Ċampjins tad-Dinja.

Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, l-Air Malta offriet tariffi mnaqqsa lill-iskippers, lill-ekwipaġġ u lill-mistednin tagħhom kif ukoll lill-midja internazzjonali mistiedna biex tirrapporta dan l-avveniment. Ta’ dan, il-linja tal-ajru sejra kif ukoll Malta ser jibbenefikaw mill-rappurtaġġ internazzjonali kbir min-naħa tal-midja li din it-tellieqa tiġġenera.

F’kumment dwar il-ħatra tal-Air Malta, Ursula Silling, Kap Kummerċjali tal-Air Malta qalet, “Aħna ninsabu kuntenti ħafna li qed niġu assoċjati ma’ dan l-avveniment prestiġjuż. Minħabba li jiena wkoll baħħara, nista’ nikkonferma li Malta hija post mill-aqwa għat-tbaħħir, u l-Port il-Kbir huwa probabbilment l-isbaħ port fid-dinja. F’Malta, it-tbaħħir u l-għads jistgħu jsiru attività ta’ matul is-sena kollha, u b’hekk dan jgħin biex jiżdied in-numru ta’ turisti anki fix-xhur kajmani tax-xitwa. Aħna qed nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inxerrdu l-kelma sabiex inżidu l-wasliet tat-turisti matul il-perjodi kajmani tagħna, u biex aktar nies isiru konxji tal-potenzjal li toffri Malta.

It-tellieqa hija magħrufa bħala waħda mill-aqwa tiġrijiet tal-jottijiet fid-dinja msemmija flimkien ma’ “Rolex Fastnet”, “The Rolex Sydney – Hobart” u “Newport-Bermuda”. Issegwi rotta ta’ sbuħija liema bħalha u li toffri sfida lil min ikun qed jieħu sehem, li tibda minn Malta u tmur madwar Sqallija, Pantellerija u Lampedusa u lura. It-tellieqa se tibda nhar is-Sibt, 22 ta’ Ottubru mill-Port il-Kbir spettakulari ta’ Malta fil-Belt Valletta.

It-tellieqa ta’ “Rolex Middle Sea” normalment tattira flotta varjata ta’ dgħajjes. Din is-sena se jkun hemm rappreżentati minn ħamsa u għoxrin pajjiż fil-linja tal-bidu, fejn il-ġara tagħna, l-Italja, ser ikollha l-akbar preżenza. Din is-sena ġiet irreġistrata żieda qawwija f’dgħajjes Russi filwaqt li r-Renju Unit ra żieda żgħira. Se jkunu qed jieħdu sehem ukoll dgħajjes minn pajjiżi mbiegħda bħall-Awstralja u l-Istati Uniti.

L-Air Malta tawgura lill-parteċipanti kollha tellieqa sigura u pjaċevoli. Għal aktar informazzjoni żur http://rolexmiddlesearace.com


Photo credit: Rolex/Carlo Borlenghi


 

1