L-Air Malta u ‘Events by Martin’ jorganizzaw it-titjira ‘Party in the Sky’

Lulju 27, 2016

Data: L-Erbgħa, 27 ta’ Lulju 2016
Ref: 057-2016


Kienet lejla memorabbli abbord it-titjira tal-Air Malta KM 7516 lejn il-Gżira Balearika ta’ Ibiża. 130 passiġġier, li kienu qegħdin itiru fuq titjira charter ta’ sagħtejn, nhar il-Ħamis, 21 ta’ Lulju, ingħataw esperjenza unika waqt it-titjira msejħa ‘Party in the Sky’.


It-titjira speċjali, organizzata minn ‘Events by Martin’, rat lil DJ Ruby, wieħed mill-aktar DJs popolari Maltin tal-mużika house, u d-DJ Daniel Pereaux, wieħed mill-aqwa DJs tal-Iżvezja jdoqqu d-diski filwaqt li jtiru fuq il-Baħar Mediterran f’għoli ta’ 30,000 pied.


It-trattament VIP esklussiv beda eżatt maċ-check-in. Din l-esperjenza unika kompliet mal-bieb tat-tluq fejn mużika u dawl ikkulurit animaw il-proċess tal-imbarkazzjoni.


Barra dan, qabel li telgħu fuq l-ajruplan il-mistednin intwerew wirja speċjali ta’ projezzjonijiet tad-dwal mal-qafas tal-ajruplan.


Abbord l-ajruplan ġiet installata ’sound system’ magħmula apposta minn Best Team Audio filwaqt li Nexos ipprovda viżwali tad-dawl speċjali mal-kurituri tal-ajruplan.


Joseph Galea, l-Uffiċjal Kap Deputat Kummerċjali qal, “Konna tassew eċċitati norganizzaw din it-titjira unika u bl-opportunità li noffru lill-mistednin tagħna titjira sikura iżda fl-istess ħin esperjenza ta’ divertiment abbord bħal qatt qabel. L-organizzazzjoni ta’ din it-titjira, kif mitlub mill-organizzaturi, ippreżentat sfida operattiva għal-linja tal-ajru.”
 
“Madankollu, l-Air Malta ħadet din l-opportunità u flimkien mad-Dipartiment tal-Inġinerija u l-Operazzjonijiet fl-Ajru tagħha wettqet diversi testijiet sabiex jiġi żgurat li t-tagħmir kollu jkun jista’ jiġi trasportat b’mod sikur fil-kabina filwaqt li jiġu ssodisfati l-istandards u r-regolamenti internazzjonali kollha.”


“Għall-Air Malta s-sigurtà hija l-ewwel prijorità. Is-sigurtà u l-kumdità tal-klijenti, l-ekwipaġġ, u l-ajruplan tagħna huma ta’ importanza kbira u aħna żgurajna li l-miżuri kollha tas-saħħa u tas-sigurtà u r-regolamenti internazzjonali jiġu ssodisfati,” żied jgħid is-Sur Galea.
Saru bosta laqgħat mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Pulizija ta’ Malta u d-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili tat-Trasport Malta sabiex jiġi żgurat li r-regolamenti kollha jiġu segwiti u jitnaqqsu r-riskji kollha.


Kienu involuti wkoll diversi dipartimenti oħrajn tal-Air Malta inkluż is-Servizzi tat-Titjiriet, l-Immaniġġjar tal-Passiġġieri, il-Cargo, is-Servizzi Fuq l-Art, id-diviżjonijiet tas-Sigurtà u dik Kummerċjali li ħadmu flimkien mill-qrib biex jorganizzaw l-avveniment ‘Festin fl-Ajru’.


Meta tkellem dwar din it-titjira Pierre Lindh, id-Direttur Maniġerjali tal- Ambassadör Events qal, “Il-‘Party in the Sky’ beda madwar sena ilu bħala idea mingħajr wisq sustanza. Meta sseħibna mal-Air Malta għarafna li l-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment tinvolvi ammont kbir ta’ xogħol. Aħna, kif ukoll l-Air Malta nqisu s-Saħħa u s-Sigurtà bħala l-ewwel prijorità tagħna u dejjem ħdimna biex inkunu l-mexxejja f’dan il-qasam f’Malta. Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà abbord sar sforz kbir, u rnexxielna negħlbu l-isfidi kollha biss billi ngħaqadna ma’ timijiet, fornituri u organizzaturi b’mod professjonali. L-avveniment juri l-imħuħ kreattivi ta’ Ambassadör Events u l-kapaċità tagħhom biex isibu soluzzjoni għall-kollox, xi ħaġa li għamlitna fost l-aktar organizzaturi prestiġġjużi tal-avvenimenti fl-Ewropa. Grazzi lill-Air Malta, u fuq nota personali ninsab ferħan ukoll li għamilt bosta ħbieb ġodda matul dan il-vjaġġ!”


Dan l-avveniment jikkonforma mal-aspirazzjoni tal-Air Malta li tkun operatur tal-ivjaġġar żgħażugħ u innovattiv. L-Air Malta saret magħrufa għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti uniċi. Mill-Ajruplan ta’ Mħabba tal-Air Malta f’Jum San Valentinu għall-iSky Spa, fejn il-linja tal-ajru qiegħda toffri massaġġi b’xejn abbord u SkyKids, fejn qiegħed jiġi offrut divertiment għat-tfal abbord. Il-linja tal-ajru organizzat ukoll b’suċċess avveniment fejn taret mar-Red Arrows u tellqet wieħed mill-Airbus A320 tagħha ma’ Ferrari F12 Berlinetta. Avvenimenti bħal dawn juru li minkejja l-fatt li hija linja tal-ajru żgħira l-Air Malta tista’ torganizza avvenimenti prestiġġjużi li jiġbdu l-attenzjoni fuq livell internazzjonali.


Għal aktar informazzjoni żur: www.airmalta.com, www.ambassador-events.com
Ara vidjow qasir tat-titjira fuq https://youtu.be/lols7wb7388








1