It-tim ta' OH Leuven FC jiskorja mal-Air Malta
Wara s-suċċess virali enormi tal-vidjo tal-PSA tal-Air Malta-Gangnam Style fuq Youtube, il-kumpanija tal-ajru qiegħda tniedi t-tieni vidjo f'serje ta' filmati li jippromwovu lill-Air Malta bi tbissima.
Din id-darba, il-vidjo jippreżenta plejers mit-tim fil-Jupiler League Belġjan, OH Leuven, u l-ex leġġenda tal-futbol Malti, Carmel 'Bużu' Busuttil.
Il-vidjo ġie ffilmjat waqt kontroll li jsir b'rutina fuq l-ajruplani tal-Air Malta mid-dipartiment tal-inġinerija tal-inġenji tal-ajru.
It-trama hija bbażata fuq erba' plejers tal-futbol - imlibbsin bħala inġiniera tal-Air Malta - juru l-ħiliet fini tagħhom fil-kontroll tal-ballun u l-passjoni tagħhom għal-logħba.
Meta wieħed mill-plejers jixxuttja xutt b'saħħtu fid-direzzjoni tal-ajruplan, il-'Bużu' isir l-eroj tal-ġurnata b'daqqa ta' ras spettakolari fl-ajru li biha jtajjar il-ballun 'il bogħod mill-ajruplan.
Dan il-filmat ġie mniedi mill-kumpanija tal-ajru fuq Youtube u mistenni jattira interess kbir f'Malta, fil-Belġju u 'lil hinn.
L-istilel tal-vidjo huma erba' plejers professjonali żgħażagħ mit-tim ta' OH Leuven FC; Alessandro Cerigioni, Dean Michiels, Joren Dehond u Thomas Azevedo, li għamlu l-filmat waqt li l-klabb tagħhom kien għal taħriġ f'Malta fix-Xitwa.
Carmel Busuttil huwa popolari ħafna kemm f'Malta kif ukoll fil-Belġju, billi huwa lagħab fil-Kampjonat Belġjan għal KRC Genk, fejn kien ukoll il-Kaptin tat-Tim, filwaqt li lagħab aktar minn 100 partita għal pajjiżu f'logħbiet internazzjonali.
Il-Gżejjer Maltin qegħdin isiru destinazzjoni dejjem aktar sinjifikanti għal sessjonijiet ta' taħriġ għal klabbs tal-futbol Ewropej. Meta mqabbel mal-Ewropa kontinentali, it-temp ta' Malta kien eċċezzjonalment moderat din ix-xitwa u b'hekk ipprovda kundizzjonijiet perfetti. Klabbs tal-futbol li matul l-aħħar snin ibbenifikaw mill-faċilitajiet u l-klima ta' Malta jinkludu lil OH Leuven, Sheffield United, Manchester United, AC Milan, Juventus u Parma FC, fost l-oħrajn.
Meta kien qiegħed jikkummenta fuq din l-inizjattiva, Philip Saunders, Kap Uffiċjal Kummerċjali fl-Air Malta, qal: "Dan il-vidjo ġdid huwa maħsub biex iżid l-għarfien dwar l-Air Malta b'mod mhux mistenni u pjaċevoli. U hemm messaġġ serju wkoll: Malta tinsab f'pożizzjoni ideali bħala d-destinazzjoni perfetta għat-taħriġ fix-xitwa għall-plejers tal-futbol professjonali tal-Ewropa. Dan il-filmat iżid l-għarfien tal-potenzjal li toffri din il-gżira u aħna qegħdin inħarsu 'l quddiem biex nissieħbu ma' aktar klabbs sabiex jibbenifikaw minn dawn il-faċilitajiet. Nittamaw li l-pubbliku jieħu gost bil-filmat u jagħmlu suċċess virali ieħor!"
L-Air Malta tixtieq tirringrazzja lill-maniġment u l-plejers ta' OH Leuven FC, kif ukoll lil Carmel Busuttil għall-professjonalità u l-kooperazzjoni tagħhom.
Biex tara dan il-filmat fuq Youtube, ikklikkja fuq
Biex tniżżel kopja HD, ikklikkja hawnhekk