L-Air Malta tissieħeb ma' Isle of MTV biex tipproduċi T-shirts uffiċjali għall-avveniment

Mejju 3, 2013

L-Air Malta tissieħeb ma' Isle of MTV biex tipproduċi T-shirts uffiċjali għall-avveniment 

L-Air Malta ssieħbet ma' Isle of MTV biex tipproduċi T-shirts uffiċjali għall- avveniment. Dawn ser jinbiegħu qabel u matul il-kunċert ta' din is-sena u d-dħul mill-bejgħ ser jingħata lill-Fondazzjoni YMCA b'risq il-persuni mingħajr saqaf fuq rashom.    

Id-disinn tat-T-shirts ser isir mill-pubbliku permezz ta' kompetizzjoni fuq Facebook, fejn is-segwaċi tal-Air Malta jistgħu jissottomettu d-disinnji u l- ideat tagħhom permezz ta' applikazzjoni fuq il-paġna uffiċjali fuq Facebook tal-Air Malta.  

It-tema magħżula għad-disinn hija 'Il-Mużika u l-Arti jgħinu lill-persuni mingħajr saqaf fuq rashom’. Wara l-kunċert, għadd ta' T-shirts ser jiġu ffirmati mill-artisti li ser jieħdu sehem fl-avveniment ta' din is-sena u jinbiegħu b'irkant sabiex jinġabru aktar flus.   

Il-ħames disinnji li jintgħażlu wara d-disinn rebbieħ ser jiġu stampati u jinbiegħu b'risq din il-kawża siewja. Dawn it-tpinġijiet ser jintwerew u jinbiegħu matul avveniment ta' karità fl-uffiċċju tal-Awtorità Maltija tat- Turiżmu fejn l-istampi uffiċjali ta' Isle of MTV ser jinbiegħu flimkien ma' dawn it-tpinġijiet, kollha b'risk ix-xelter tal-YMCA għall-persuni mingħajr saqaf fuq rashom.  

L-Isle of MTV ta' din is-sena ser isir fuq il-Fosos, il-Furjana, fis-26 ta' Ġunju. Il-kantawtriċi potenti RITA ORA, mir-Renju Unit, u l-grupp taż-żfin innovattiv RUDIMENTAL ġew imħabbra bħala l-ewwel żewġ artisti li ser jieħdu sheem fl-Isle of MTV f'Malta dan is-Sajf. Aktar artisti ser jiġu mħabbra fil-ġimgħat li ġejjin.  

Bħala l-linja tal-ajru uffiċjali tal-Isle of MTV ta' din is-sena, l-Air Malta qiegħda tippjana li tħabbar aktar avvenimenti u inizjattivi li għandhom iseħħu matul il-Malta Music Week Festival aktar tard din is-sena.  

Għal aktar tagħrif żur www.facebook.com/AirMalta

1