L-Air Malta Tniedi s-servizz ‘Immaniġġja r-Riżervazzjoni Tiegħi'

Awwissu 5, 2013

L-Air Malta għadha kif nediet Immaniġġja r-Riżervazzjoni Tiegħek, servizz ġdid fuq is-sistema ta’ riżervazzjoni bl-internet tal-linja tal-ajru li ser tgħin lill-klijenti biex jagħmlu bidliet għar-riżervazzjonijiet li jagħmlu permezz tal-internet.

Il-klijenti li jirriżervaw permezz tal-portal il-ġdid tal-linja tal-ajru www.airmalta.com issa jistgħu jbiddlu d-dati u l-ħin tal-ivvjaġġar bl-ajru, jagħżlu fejn ipoġġu fuq l-ajruplan, ibiddlu d-dettalji ta’ kuntatt tal-passiġġieri, jinkludu assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, jinkludu kiri ta’ karrozzi, iħallsu minn qabel għal apparat sportiv u bagalji żejda permezz ta’ dan is-servizz. Il-klijenti li jużaw dan is-servizz jistgħu jibbenefikaw minn skontijiet speċjali; 25% fuq apparat sportiv u 10% fuq ħlasijiet għal piż żejjed tal-bagalji. 

Il-bidliet jitħallew isiru biss għal riżervazzjonijiet li jsiru permezz tas-sit u l-klijenti ma jistgħux ibiddlu riżervazzjonijiet li jkunu diġà ġew emendati permezz taċ-Ċentru tat-Telefonati u/jew l-Uffiċċju tal-Bejgħ tal-Air Malta. Barra minn hekk, huwa wkoll importanti li l-ebda titjira fuq il-biljett ma tkunx intużat.

Il-linja tal-ajru bħalissa qiegħda taħdem fuq żviluppi ulterjuri ta’ dan is-servizz li għandu jiġi mniedi fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn is-servizzi ser jippermetti lill-klijenti biex ibiddlu d-destinazzjoni rriżervata u jemendaw biljetti li jkunu ntużaw parzjalment għal titjiriet. Barra minn hekk, il-klijenti ser ikunu jistgħu wkoll ibiddlu riżervazzjonijiet mixtrija mingħand iċ-ċentru tar-riżervazzjonijiet u/jew l-Uffiċċju tal-Bejgħ tal-Air Malta. 

Dan is-servizz ġdid jifforma parti mill-isforzi li qegħdin isiru mil-linja tal-ajru biex ittejjeb l-esperjenza għall-klijenti billi toffri prodotti u servizzi li huma aktar faċli biex jintużaw. Airmalta.com tattira aktar minn 15,000 viżitatur kuljum u 10,000 riżervazzjoni bl-internet kull xahar.

 

1