It-tenur Malti Joseph Calleja jkanta fuq titjira tal-Air Malta

It-tenur ta’ fama internazzjonali Joseph Calleja ħalla ajruplan mimli passiġġieri affaxxinati u bla kliem wara li kanta O Sole Mio, bħala parti minn vidjo promozzjonali ġdid tal-linja tal-ajru nazzjonali ta’ Malta, l-Air Malta.

Is-Sur Calleja jintlemaħ fuq it-titjira minn passiġġier żgħażugħ li jagħmel il-kuraġġ u jibda jkanta l-kanzunetta Naplitana klassika lill-kantant tal-opra rinomat madwar id-dinja kollha.

Iż-żgħażugħ ma jdumx ma jiġi akkumpanjat minn kor ta’ passiġġieri oħrajn, flimkien mal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina tal-Air Malta, li flimkien iduru madwar is-siġġu tas-Sur Calleja sabiex ikantawlu din il-kanzunetta.

It-tenur Malti mbagħad jinterrompihom bi prestazzjoni elettrifikanti li tħalli lil kulħadd bla kliem.

Il-vidjo fuq YouTube, li jagħlaq bit-tagline "get carried away", jifforma parti minn kampanja pubbliċitarja li qiegħda ssir minn Air Malta, il-linja tal-ajru nazzjonali ta’ Malta, il-pajjiż fejn twieled u jgħix is-Sur Calleja.



"Ninsab kburi ħafna li qiegħed nappoġġja l-linja tal-ajru nazzjonali ta’ pajjiżi fi żmien diffiċli għall-industrija. Il-kumpanija Air Malta hija simbolu tal-ospitalità, il-kreattività,  xogħol iebes u l-bżulija tal-poplu Malti," qal is-Sur Calleja, li fi Frar li għadda nħatar bħala l-ambaxxatur ewlieni tal-Air Malta.

Il-Kap Uffiċjal Eżekuttiv tal-Air Malta, Peter Davies, irringrazzja lis-Sur Calleja talli kkontribwixxa bit-talenti immensi tiegħu sabiex jgħin lill-Air Malta, li bħalissa għaddejja minn perjodu ta’ ristrutturar li qiegħed iħalli l-frott.

“Ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Joseph Calleja, bħala artist rinomat b’identità Maltija, mingħajr ebda dubju għamlitu wieħed mill-aqwa ambaxxaturi li qatt jista’ jkollha l-kumpanija Air Malta sabiex tippromwovi kemm lil Malta kif ukoll lill-Air Malta nnifisha. L-Air Malta hija dejjem kburija li ttajjar il-bandiera tal-gżejjer sbieħ u amikevoli tagħna. Il-fatt li qegħdin naħdmu u nikkollaboraw ma’ Joseph Calleja, li huwa ambaxxatur kulturali daqstant importanti għal Malta, ikompli jimlina bl-entużjażmu għall-ġejjieni,” żied jgħid.



O Sole Mio, li tiġi tradotta għal "ix-xemx tiegħi", għandha rilevanza partikolari għal dawn il-gżejjer Mediterranji li jgawdu minn temperaturi sajfin ta’ ’l fuq minn 30°C.

Is-Sur Calleja dan l-aħħar irċieva akklamazzjoni kritika għall-prestazzjoni tiegħu fil-film ta’ James Gray The Immigrant, fejn huwa jagħmel il-parti tat-tenur Taljan, Enrico Caruso.

Fl-1 ta’ Awwissu, is-Sur Calleja kanta fil-kunċert gala annwali tiegħu f’Malta, li fih ħadu sehem ukoll Zucchero, Riccardo Cocciante u Rebecca Ferguson. Ġimgħatejn ilu huwa kanta waqt il-BBC Proms fir-Royal Albert Hall f’Londra.

L-album il-ġdid ‘Amore’ ta’ Joseph Calleja ġie mniedi internazzjonalment fid-9 ta’ Settembru.

 

Username meħtieġ... 
Password meħtieġa... 
Detallji tal-login invalidi... 
Il-login bil-Facebook ma ħadimx. M'hemm ebda kont tal-Facebook irreġistrat b'dan l-email.  
LOGIN 
LOGOUT 
Email meħtieġ... 
ISSOTTOMETTI
Ibdel il-password. 
Kont mhux validu... 
Email Mibgħuta! 
Email b'talba biex tinbidel il-password intbagħtet fuq l-email tiegħek. Malli tirċeviha, ikklikkja fuq il-link mibgħuta sabiex tkun tista' tbiddel il-password tiegħek.
Abbona man-newsletter tagħna
Ċert li trid tneħħi l-abbonament?
Merħba
Tajjeb li qed nerġgħu narawk
lejn
minn
Ibbukkja Issa
Bagalja inklużi b'xejn
We have placed cookies on your device to ensure you get the best experience on our website.
Got it!