Air Malta tibda topera lejn Venezja

Marzu 17, 2014

Data: Is-Sibt, 15 ta’ Marzu 2014
Ref: 009-2014


L-Air Malta se tibda topera lejn Venezja, waħda mill-aktar bliet romantiċi tad-dinja. Dan is-sajf mit-2 ta’ Ġunju, il-linja tal-ajru sejra ttir lejn l-Ajruport ta’ Venezja, Marco Polo (VCE), tliet darbiet fil-ġimgħa, nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa. 

Hekk kif kien qiegħed jitkellem matul konferenza stampa li saret ġewwa l-ajruport ta’ Venezja, Edwin Caruana, Maniġer tal-pajjiż tal- Italja tal-Air Malta qal, “Id-deċiżjoni tagħna li nibdew noperaw minn/lejn l-Ajruport Marco Polo ta’ Venezja bi frekwenza ta’ 3 darbiet fil-ġimgħa, turi biċ-ċar l-impenn tagħna lejn is-suq Malti u dak Taljan. Ninsabu fiduċjużi ħafna li ser nilħqu l-previżjonijiet tagħna li nġorru 13,000 passiġġier fuq din ir-rotta u dan jawgura tajjeb għat-tkabbir futur tar-rotta lejn Venezja.”

Simon, Kamsky, Direttur Kummerċjali għan-Nofsinhar tal-Ewropa mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) sostna, “Ir-rotta l-ġdida tal-Air Malta bejn Malta u l-Ajruport Marco Polo ta’ Venezja hija aħbar tajba ħafna u tawgura tajjeb għat-tkabbir kontinwu fit-turiżmu mir-reġjun tal-Veneto kif ukoll minn dak tal-Friuli Venezia Giulia. Din ir-rotta ser tkompli tgħin it-tkabbir tat-Turiżmu lejn Malta, li mill-2009 huwa t-tieni suq l-aktar importanti għat-turiżmu lejn Malta b’aktar minn 230,000 turist Taljan iżur Malta fl-2013. Flimkien, ser ikollna l-opportunità li nattiraw negozju fi grupp, kemm għal divertiment kif ukoll għal MICE, flimkien ma’ żieda fil-viżitaturi li jiġu għal weekend break, għads u biex jitgħallmu l-lingwa Ingliża.

Venezja (Photo : Stephen Gauci/ Air Malta)


Emillo Bozzolo, Direttur Kummerċjali tal-Ajruport ta’ Venezja qal, “Ninsabu tassew kburin li Venezja reġgħet ġiet inkluża fuq il-mappa tan-netwerk tal-Air Malta. Sa mill-ewwel staġun tat-titjiriet fis-Sajf 2007, ħdimna b’kooperazzjoni mill-qrib mal-linja tal-ajru biex niksbu riżultati tajbin. It-traffiku lejn Malta, miż-żona fejn l-Ajruport ta’ Venezja kiber b’mod qawwi matul is-snin b’aktar minn 47,000 passiġġier milħuq fl-2013. Minbarra li ta spinta lit-traffiku minn punt għal ieħor, is-servizz dirett il-ġdid operat mill-Air Malta ser joffri opportunità ġdida għall-passiġġieri interessati li jgħaqqdu t-titjiriet tagħhom ma’ destinazzjonijiet tan-netwerk tal-linja tal-ajru fiż-żona tal-Mediterran.

Il-belt kollha ta’ Venezja, li tinsab fil-grigal tal-Italja, flimkien mal-laguna tagħha, hija elenkata bħala Sit ta’ Wirt Dinji. Hija magħrufa għall-kanali, arkitettura u arti mill-isbaħ tagħha. L-aktar famuża hija ż-żona li tinkludi 118-il gżira fid-distretti ewlenin li jissejħu ‘Sestieri’ fejn jinsabu l-monumenti ewlenin u l-isbaħ veduti. Attrazzjonijiet prinċali oħrajn huma Isola Della Giudecca u Lido di Venezia, u l-gżejjer ta’ Murano, Torcello, San Francesco del Deserto u Burano. Il-belt hija destinazzjoni turistika ewlenija, u tirċievi madwar 50,000 turista kuljum.

L-iskeda tat-titjira sejra tkun kif ġej:

KM638  dep  Malta  08:10  Arr   Venice   10:10
KM639  dep Venice  11:10 Arr  Malta  13:10


Il-gzira ta’ Burano (Photo: Stephen Gauci / Air Malta) 

 

1