L-Air Malta Tinnomina lil Britannia bħala l-Aqwa Aġenzija tal-Ivvjaġġar għall-2013/2014

Diċembru 18, 2014

Data: L-Erbgħa, 17 ta’ Diċembru 2014
Ref: 097-2014 MT


Britannia hija l-aqwa aġenzija tal-ivvjaġġar għall-2013/2014 għall-Air Malta. L-aġenzija tal-ivvjaġġar ingħatat dan il-premju waqt avveniment li sar dan l-aħħar fil-preżenza ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar lokali.

Dan l-avveniment ma kienx biss okkażjoni għall-Air Malta sabiex trodd ħajr u tesprimi l-apprezzament u l-gratitudni tagħha għall-appoġġ u l-lealtà kontinwi murija matul is-snin, iżda serva wkoll bħala opportunità biex il-linja tal-ajru nazzjonali toħloq netwerk u ttejjeb il-komunikazzjoni mal-aġenti tal-ivvjaġġar lokali.

Waqt l-avveniment ġie enfasizzat li l-Air Malta hija impenjata li tkompli tappoġġja lill-aġenti tal-ivvjaġġar lokali u saħħet ukoll it-tim Malti tagħha tal-bejgħ.



Impjegati tal-Britannia Services flimkien mad-Direttur Maniġerjali, is-Sur Noel Farrugia

L-aġenti tal-ivvjaġġar kienu informati wkoll li minn April tal-2015 l-Air Malta sejra żżid il-frekwenza tagħha fuq ir-rotta ta’ Brussell permezz tal-introduzzjoni ta’ żewġ vjaġġi ta’ ġurnata kull ġimgħa.

“L-aġenti tal-ivvjaġġar huma komponent ewlieni tan-negozju tagħna. Matul is-snin komplejna naħdmu mal-aġenti lokali li minn dejjem jappoġġjaw lil-linja tal-ajru,” qal Joseph Galea, id-Deputat Kap Kummerċjali tal-Air Malta waqt kelmtejn li għamel għall-għoti tal-premju. 

Waqt ir-riċeviment l-Air Malta innominat lil Britannia Services, l-Aqwa Aġenzija tal-Ivvjaġġar għall-2013/14 għar-riservazzjonijiet individwali, tal-gruppi u titjiriet charter filwaqt li FCM Travel Solutions ingħatat il-Premju tal-Best Year on Year Sales Achiever għall-2013/14 u Kirton Travel bil-Premju tat-Top Corporate Seller għall- 2013/14.



Id-Diretturi Maniġerjali tal-FCM Travel Solutions, is-Sur Edward Papps u s-Sur Michael Gatt ippreżentati bil-premju minn Joe Galea, id-Deputat Kap Kummerċjali fil-preżenza tal-persunal tal-Bejgħ tal-Air Malta.


Id-Direttur Maniġerjali ta’ Kirton Travel, is-Sur Nicholas Grech jiġi ppreżentat bil-premju minn Joe Galea, id-Deputat Kap Kummerċjali fil-preżenza tal-persunal tal-Bejgħ tal-Air Malta.


 

1