L-impjegati tal-Air Malta Jagħmlu il-Ħolma ta’ 67 Tifel u Tifla Realtà

Frar 17, 2017

“Din is-sena nġabru €1,415 u dawn kienu biżżejjed sabiex jinxtraw ir-riġali mixtieqa min dawn it-tfal kollha u jgħamluhom kuntenti,” qalet Vanessa Muscat minn Team Air Malta. “Aħna tassew kuntenti li permezz ta’ dawn l-attivitajiet nistgħu nagħmlu differenza u nixtieq nirringrazzja lill-impjegati kollha tal-Air Malta li kkontribwixxew biex din l-attività tkun ta’ suċċess”.

Il-“Bake Sale” hija attività annwali organizzata mill-klabb flimkien ma’ bosta impjegati tal-Air Malta li jagħmlu kejkiet u pasti d-dar tagħhom b’mod volontarju u mbagħad ibigħuhom lill-kollegi tagħhom. Numru ta’ entitajiet ipparteċipaw f’din l-inizjattiva fosthom The Sweet Almond - Cakes & Bakes, LaNovita Caterers, Catrice Malta, Fat Harrys Pub, James Caterers Ltd u YUE Bistro By Munchies.

Iċ-Children’s Dreams huwa proġett organizzat f’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Appoġġ. Din hija t-tielet sena li l-Air Malta appoġġjat din il-kawża nobbli. Il-proġett għandu l-għan li jgħin lill-ġenituri li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet soċjali varji jirrealizzaw il-ħolm tat-tfal tagħhom.

“L-Air Malta kienet waħda mill-ewwel organizzazzjonijiet fil-gżejjer Maltin li ippromwoviet l-kunċett ta’ Responsabbiltà Korporattiva Soċjali. Sa mill-bidu tagħha, il-linja tal-ajru kkontribwixxiet mijiet ta’ eluf ta’ euro u għenet lil organizzazzjonijiet u individwi varji f’oqsma differenti inkluż inizjattivi umanitarji, mediċi, filantropiċi, protezzjoni tal-wirt kulturali, sports u dawk ambjentali. Bħala l-linja tal-ajru nazzjonali tal-gżejjer, l-Air Malta għandha r-responsabbiltà tagħha biex tkompli tappoġġja l-komunità lokali. L-ebda linja tal-ajru oħra li topera lejn Malta ma tipprovdi appoġġ kontinwu lill-organizzazzjonijiet volontarji u dawk mhux governattivi bħall-Air Malta. Dawn l-inizjattivi juru l-impenn u l-appoġġ li l-linja tal-ajru għandha lejn il-komunità Maltija”, żied Stephen Gauci, il-Kap tal-Komunikazzjonijiet tal-Air Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar din il-kawża, jekk jogħġbok żur http://www.childrendreams.org.

1