L-Air Malta Tassisti l-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE

Frar 1, 2017

Il-Linja Nazzjonali Maltija qiegħda tiffaċilita l-arranġamenti tal-ivvjaġġar u qed toffri miżuri speċjali lil numru kbir ta’ delegati u membri akkreditati tal-midja internazzjonali li qed jivvjaġġaw lejn Malta kemm fit-tħejjijiet tal-laqat kif ukoll matul is-sitt xhur ta’ din il-Presidenza. Il-linja tal-ajru qed torganizza wkoll titjiriet charter speċjali għal gruppi kbar li se jkunu qed jattendu laqgħat partikolari.

Iċ-Chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef, qalet: “Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE hi opportunità mill-aqwa għall-Gżejjer Maltin sabiex juru l-potenzjal tagħhom lit-28 membru tal-Unjoni. Malta qed tippresjedi ’il fuq minn 1,500 laqgħa u konferenzi ta’ livell għoli u qed tospita eluf ta’ rappreżentanti tal-midja li jkunu qed jirrappurtaw dwar dawn il-laqgħat. Bħala il-linja nazzjonali aħna kburin li qed nappoġġjaw din il-Presidenza li mistennija tiġġenera effetti pożittivi f’oqsma bħat-turiżmu u l-ekonomija u se tkompli timbotta ’l quddiem il-pożizzjoni u r-reputazzjoni ta’ Malta fl-Ewropa.”

Bħala parti mill-inizjattivi li ħadet l-Air Malta, il-linja tal-ajru qed tagħmel avviżi speċjali abbord it-titjiriet li jilqgħu lill-parteċipanti, lid-delegati u lill-membri tal-midja li se jkunu qed jattendu u jirrappurtaw dwar il-laqgħat. Artikli fir-rivista tal-linja tal-ajru Bizzilla, li titqassam abbord it-titjira, se jinkludu wkoll aħbarijiet dwar l-avvevnimenti prestiġġjużi li jkunu qed jiġu organizzati matul il-Presidenza ta’ sitt xhur.

L-Air Malta minn dejjem kienet fuq quddiem nett bħala l-linja tal-ajru nazzjonali sabiex tgħin fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet prestiġjużi li jkunu qed isiru fil-Gżejjer Maltin. Permezz tal-parteċipazzjoni tagħha, din tkompli turi l-impenn u l-appoġġ tagħha lejn avvenimenti nazzjonali li jkunu ta’ benefiċċju għall-komunità Maltija.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE hi inkarigata mill-funzjonament tal-Kunsill, l-istituzzjoni fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet fuq il-legiżlatura tal-UE. L-Istati Membri tal-UE jikkondividu l-Presidenza bejniethom kull sitt xhur. Il-funzjoni tal-Presidenza hi li tippresjedi l-laqgħat tal-Kunsill, tiddetermina l-aġendi, tistabbilixxi programm ta’ ħidma u tiffaċilita djalogu kemm fil-laqgħat tal-Kunsill kif ukoll ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.

1