L-Arċipelagu
Malta
Il-gżira ta' Malta, li tul l-istorja dejjem kienet magħrufa għall-pożizzjoni militari strateġika tagħha u għall-irwol tagħha fit-tmexxija tal-ħakkiema Ewropej, hija rinomata wkoll għall-klima sħuna tagħha matul is-sena kollha. Bi sjuf twal u sħan, flimkien ma' poplu mill-aktar dħuli, Malta hija tabilħaqq festa għas-sensi kollha tal-ġisem, li tistiednek tirkeb fuq vjaġġ li jgħinek u jagħtik iċ-ċans tiskopri xi ħaġa ġdida: kemm jekk xi sport, xi bajja moħbija, platt ikel uniku, siti storiċi jew xena ta' divertiment vibranti matul il-lejl.
Għawdex
Għawdex, li huwa l-gżira oħt Malta, joffri x-xenarju ideali għal rilassament komplet. Bħala komunità tas-sajd u tal-biedja, Għawdex joffri sfond ta' trankwillità fost it-toroq imserrpin tiegħu. Il-knejjes Barokki ferm attraenti u l-irziezet antiki jkomplu jżejnu l-villaġġi ċkejkna u l-kampanja mhux mittiefsa ta' din il-gżira. B'panorami pittoreski u postijiet storiċi li jinstabu prattikament kullimkien, Għawdex huwa ideali għal dawk li jħobbu jesploraw. Titqarraqx mid-daqs żgħir tiegħu; Għawdex għandu kalendarju kulturali mimli sewwa u tradizzjoni kulinarja li tgħaqqad flimkien il-prinċipji ta' "mir-razzett għal fuq il-mejda" ma' applikazzjonijiet kontemporanji u innovattivi.
Kemmuna
L-iżgħar gżira minn fost it-tlieta, jiġifieri dik ta' Kemmuna, toffri opportunitajiet abbundanti sabiex wieħed jinżel jogħdos fil-baħar tal-madwar. Id-daqs ċkejken tagħha, jiġifieri ta' 3.5 kilometri kwadri biss, ifisser li Kemmuna hija alternattiva mill-aqwa jekk tixtieq tqatta' ġurnata mill-isbaħ f'post fejn ma jkollokx bżonn karozza biex tivvjaġġa. L-attrazzjoni prinċipali ta' din il-gżira, li hija prattikament inabitata, hija l-bajja magħrufa bħala Blue Lagoon. Din il-bajja, li hija mogħnija b'baħar ileqq u ċar daqs il-kristall u ramel bajdani, tara familji u nies li jżuruha għal ġurnata minn Malta u Għawdex matul ix-xhur sħan tas-sajf, filwaqt li matul ix-xitwa tattira nies għal mixjiet rilassanti u fotografi li jżuruha biex igawdu u jieħdu ritratti tax-xenarju eċċitanti u spettakolari tagħha.