
L-Euro
Mill-1972 sal-31 ta' Diċembru 2007, Malta kellha l-munita tagħha – il-lira Maltija. Fl-2008, Malta qalbet għall-Euro. Billi kull pajjiż fiż-żona tal-Euro għandu disinji differenti għall-muniti tiegħu, il-muniti tal-Euro Maltin għandhom tliet disinji distintivi għalihom.
Il-muniti ta' €0.01, ta' €0.02 u ta' €0.05 juru immaġini ta' altar mit-tempji megalitiċi tal-Imnajdra. Il-muniti ta' €0.10, ta' €0.20 u ta' €0.50 għandhom l-istemma araldika ta' Malta, filwaqt li l-muniti ta' €1.00 u ta' €2.00 juru l-George Cross.
Il-banek ġeneralment jiftħu sa kmieni wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa u sa nofsinhar nhar ta' Sibt. Xi fergħat jaħdmu wkoll sigħat itwal, iżda l-ħinijiet tal-ftuħ tas-sajf u tax-xitwa jistgħu jvarjaw minn xulxin. Jiġu aċċettati kards bankarji internazzjonali bħall-Viża, l-American Express, id-Diner’s Club u l-Mastercard, l-istess bħal muniti barranin, li jistgħu jiġu skambjati faċilment mill-uffiċċji tal-kambji.
Il-banek u d-distributuri awtomatiċi tal-flus kontanti (ATMs), kif ukoll l-uffiċċji tal-kambji, jinstabu madwar il-gżejjer kollha, filwaqt li l-maġġoranza tal-ħwienet u r-ristoranti jaċċettaw li jitħallsu f'xi muniti internazzjonali. Madankollu, kważi r-ristoranti u l-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut kollha jaċċettaw ħlas b'kards ta' kreditu internazzjonali.
Il-kards ta' debitu jiġu aċċettati wkoll fl-ATMs f'Malta, diment li l-bank tiegħek ikun awtorizza li l-kard tiegħek tintuża b'mod internazzjonali. Iċ-ċekkijiet tal-vjaġġaturi (travelers’ cheques) jistgħu jiġu skambjati wkoll f'istituzzjonijiet awtorizzati.