30 Jannar 2013

Il-Fun Run tal-President għall-Karità
Dawk kollha li jafuni jafu li minix persuna atletika. Għalhekk, meta bdew jidhru r-reklami li jippromwovu l-Fun Run tal-President għall-Karità, għall-ewwel ħassejtni xi ftit eżitanti, iżda mbagħad sfidajt lili nnifsi biex nieħu sehem. Ladarba ddeċidejt li nidħol għal din l-isfida, impenjajt ruħi kompletament u kaxkart miegħi lil ħbiebi biex nieħdu pjaċir flimkien. Bdejt nieħu ħafna pjaċir, nagħmel l-eżerċizzju u nimxi mill-inqas siegħa kuljum.
Il-Fun Run jew Mixja b'riżq il-karità, li saret f'ġurnata xemxija u sabiħa fit-2 ta' Diċembru, ġiet organizzata bil-għan li jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund. Il-ġirja bdiet mill-Palazz ta' San Anton, komplejna lejn it-Terminal tal-Karozza tal-Linja f'Birkirkara u mbagħad lejn Santa Venera, 'l isfel lejn il-Ħamrun u spiċċajna fil-Belt Valletta.
Waqt il-mixja, iltqajt ma' għadd kbir ta' karattri, li ħafna minnhom kienu qegħdin jiġru jew jimxu għal raġunijiet personali, filwaqt li oħrajn attendew għall-ġenerożità u l-għaqda nazzjonali għal kawża ġusta. Fl-aħħarnett, kien hemm ħafna daħk u pjaċir hekk kif ix-xemx kienet qiegħda tarmi r-raġġi sħan tagħha sabiex tipprovdielna l-ambjent perfett għal ġurnata barra.
Madankollu, l-aktar li laqtitni u affaxxinatni minn din l-esperjenza kienet il-ġentilezza li wrew in-nies li ltqajt magħhom. Tul it-triq kollha stajt nitkellem ma' nies differenti u ħassejtni parti minn familja kbira waħda. Għall-mument bħal donni nsejt li jiena barranija u tassew ħassejtni qisni qiegħda f'pajjiżi.