30 Jannar 2013

Il-Belt Valletta, Malta
Meta żort Malta l-ewwel darba aktar minn għaxar snin ilu, mill-ewwel inġbidt lejn il-Belt Valletta. Din il-belt kapitali sabiħa għandha xi ħaġa li tiġbdek u atmosfera romantika. Mhijiex il-belt kapitali tipika. Fit-toroq prinċipali tal-Belt Valletta ftit li xejn jidħlu karozzi u hija nieqsa mill-arkitettura moderna li fgat ħafna bliet kapitali madwar l-Ewropa. Għalhekk, wara xhur ta' tħejjija u deliberazzjoni intensivi, il-Belt Valletta finalment tħabbret li hija l-Belt Ewropea tal-Kultura għall-2018.
Ħassejtni eċċitat u ferħan ħafna. Il-Belt Valletta tatni ħafna jiem ta' pjaċir u divertiment fl-aqwa taż-żgħożija tiegħi. Din il-belt tittrasmetti sensazzjoni inkredibbilment maġika bil-mod ta' kif irnexxielha żżomm id-dehra eterna tagħha mingħajr ma ċċedi għall-pressjonijiet tal-iżvilupp modern.
Dan l-avveniment mhux biss ser ipoġġi lil Malta fiċ-ċentru tal-attenzjoni Ewropea, iżda l-proċess ta' tisbiħ li għaddejja minnu l-Belt Valletta ser jara wkoll il-ħolqien ta' programm eċċitanti ta' avvenimenti b'laqta Ewropea. Dan għandu jżid mal-faxxinu u l-misteru li tittrasmetti l-Belt Valletta waqt li tintiseġ mal-istorja estensiva tagħha li tmur lura sal-1530.
Hekk kif nimxi tul it-toroq tal-Belt Valletta, dawn joffruli storja unika li teħodni lura fiż-żmien. L-għadd abbundanti ta' kafetteriji u ristoranti joffru varjetà kbira ta' ikel minn madwar id-dinja kollha. It-toroq ikunu dejjem mimlijin bl-attività u l-pjaċir, għalhekk, ma niskantawx kif il-Belt Valletta rebħet dan it-titlu.
Xi drabi nagħżel li nevita t-toroq traffikużi sal-Belt Valletta, billi minflok naqbad id-dgħajsa minn Tas-Sliema. Dan il-mezz ta' trasport joffri veduti aktar panoramiċi u pittoreski tal-Belt Valletta minn angolu kompletament differenti.
Żur is-sit http://www.valletta2018.org/ għall-aħħar aġġornamenti.