
Ir-rugby f'Malta
Ir-rugby, li tipikament kien meqjus bħala inferjuri għall-futbol, kellu żmien diffiċli f'Malta u għal xi żmien xejn ma kien popolari. Iżda filwaqt li l-popolarità tiegħu żdiedet u naqset matul iż-żmien, illum il-ġurnata, dan l-isport qiegħed igawdi minn qawmien mill-ġdid bħal qatt qabel, grazzi l-aktar għall-prestazzjonijiet tat-tim nazzjonali, li qiegħed jikseb riżultati tajbin aktar minn dak tal-futbol.
Ir-rugby intlagħab għall-ewwel darba f'Malta mill-uffiċjali tas-servizz tal-forzi armati Ingliżi u aktar tard kompla jespandi biex beda jinkludi wkoll l-espatrijati u saħansitra xi Maltin. Il-preżenza ta' dan l-isport ġiet kemmxejn issolidifikata meta xi skejjel lokali waqqfu t-timijiet tagħhom, iżda huwa malajr ħa daqqa ta' ħarta meta t-truppi Ingliżi ħallew il-gżira wara l-ħruġ tagħha min-NATO.
Fis-snin riċenti, dan l-isport reġa' kiseb prominenza bil-ftuħ ta' numru ta' klabbs u bit-twaqqif ta' kampjonati, inkluż iċ-Cisk Lager Rugby Union Championships. Ir-rugby jinkludi wkoll kampjonat tan-nisa, li dan l-aħħar beda jirċievi kopertura tajba mill-istampa lokali.
Bħala sinjal tal-popolarità dejjem tikber ta' dan l-isport, is-sena 2005 rat it-twaqqif tal-Malta Rugby League, li fih jiġi pprattikat il-kodiċi l-ieħor tal-isport magħruf bħala rugby league.
It-tim nazzjonali, li bħalissa jinsab fil-41 post fil-klassifika dinjija tal-International Rugby Board, jattira folla mdaqqsa u storbjuża kull darba li jilgħab fuq l-art Maltija. Jekk tħobb dan l-isport u tinqala' l-opportunità, ma għandekx titlef l-esperjenza li ssegwi partita internazzjonali u tissapportja lit-tim Malti (preferibbilment mis-sezzjoni tal-partitarji magħrufa bħala s-South End Core).